Casa jappella għal iktar poteri tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

05.09.2019 13:46

Casa jappella għal iktar poteri tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

"Il-liġijiet ma jiswewx il-karta li fuqha huma miktuba sakemm ma jiġux infurzati b'mod ġust," qal il-Kwestur tal-Parlament Ewropew il-ġdid, David Casa MPE.

Illum l-ewro-deputati tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ddiskutew mal-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), José Manuel Campa, u rappreżentant ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus.

Matul dan l-iskambju ta’ opinjonijiet, il-MPE Casa fakkar li l-liġijiet komprensivi tal-UE dwar il-ħasil tal-flus, li diġà daħlu fis-seħħ, jistgħu jkunu effettivi biss jekk jiġu infurzati b’mod korrett.

"Matul l-aħħar leġiżlatura kien hemm ħafna eżempji ta' entitajiet finanzjarji li komplew joperaw anki meta dawn kienu involuti fil-korruzzjoni internazzjonali u l-ħasil ta' flus. Fil-każ infami f’Malta tal-Bank Pilatus kien hemm evidenza fid-dominju pubbliku, għal aktar minn sena, qabel ma il-liċenzja ġiet irtirata. Fil-fatt, dan il-Parlament diġa wera t-tħassib serju tiegħu f'diversi riżoluzzjonijiet dwar ir-rabta ta' ċertu banek mal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Dan mgħandux jerġa' jseħħ," qal l-ewroparlamentari David Casa.

"F'ħafna mill-każijiet azzjoni ttieħdet biss mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej wara li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu diġà identifikaw il-problemi. L-ABE ngħatat setgħat akbar biex tiġġieled il-ħasil tal-flus. Filwaqt li nilqa’ dan l-iżvilupp, fadal mistoqsijiet dwar jekk dawn il-poteri humiex biżżejjed. Inevitabbilment se jkomplu jinqalgħu sfidi oħra meta l-entitajiet finanzjarji involuti f'attività illeċita jibbenefikaw minn protezzjoni ta' livell għoli. Dawn l-isfidi għandhom jingħelbu," insista l-MPE David Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat