Roberta Metsola tinsisti għal azzjoni fuq il-klima, l-immigrazzjoni u s-saltna tad-dritt

16.07.2019 12:34

Roberta Metsola tinsisti għal azzjoni fuq il-klima, l-immigrazzjoni u s-saltna tad-dritt

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Il-Partit Nazzjonalista se jivvota favur Ursula von der Leyen

Waqt dibattitu ma’ Ursula von der Leyen, il-persuna nominata għal President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola nsistiet għal azzjoni fuq livell Ewropew biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima, filwaqt li kkonfermat li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ von der Leyen.

L-MEP Metsola qalet: “Ma nistgħux naċċettaw li l-ġenerazzjoni li jmiss ikollha aktar plastik milli ħut fl-ibħra. Jekk mhux se nsibu soluzzjoni issa biex insalvaw l-ambjent u l-klima, ma jirnexxielna qatt. Din hi urġenti.”

Filwaqt li nsistiet dwar il-bżonn ta’ riforma, l-MEP Metsola qalet: “In-nazzjonijiet Ewropej mhux kollha l-istess imma l-isfidi huma simili. Il-proġett tal-UE rnexxielu joffri ispirazzjoni għan-nies f’ġenerazzjonijiet u kontinenti differenti, imma hemm bżonn li nkomplu naħdmu. L-ekonomija soċjali u l-kummerċ ħieles irnexxielhom joħorġu nies mill-faqar, imma għad ħafna nies li qed isibuha diffiċli. Għadna ‘l bogħod wisq minn nies li nirrapreżentaw.”

“Jien irrid li l-ġenerazzjoni ta’ uliedi tħares lejn l-Ewropa bħala r-risposta, l-istess kif ħarsu lejha l-ġenituri tiegħi,” qalet l-MEP Metsola.

21 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-MEP Metsola qalet: “Aktar milli personalitajiet, l-Ewropa tfisser tama. Aktar milli burokrazija, l-Ewropa tfisser ġustizzja. Għalhekk hi kontradizzjoni li jinbiegħu l-passaporti. Għalhekk ninsistu dwar is-saltna tad-dritt. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu kwieti meta d-drittijiet fundamentali jkunu taħt theddida. Ma nistgħu naċċettaw qatt li ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia jkunu intimidati u maqtula 21 xahar ilu, mingħajr m’għandna risposta ta’ liġi Ewropea.”

L-MEP Metsola, li hi l-Koordinatriċi tal-PPE fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, enfażizzat li “ma nistgħux inħallu temi bħall-immigrazzjoni u s-sigurtà li jkunu miġġielda biss f’linji ideoloġiċi fl-immedjat. Għandna bżonn kontroll aħjar tal-fruntieri fejn nibqgħu ġusti ma’ dawk fil-bżonn, iebsa ma’ dawk li m’għandhomx bżonn u b’saħħitna ma’ dawk li jippruvaw jisfruttaw lill-vulnerabbli.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat