Il-Parlament japprova regoli ġodda tal-UE li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema

16.04.2019 12:39

Il-Parlament japprova regoli ġodda tal-UE li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Carpenter blowing off sawdust
Traduzzjoni
Select language:

Il-Parlament Ewropew approva liġi ġdida tal-UE li se ttejjeb b’mod drastiku l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa, inkluż dawk f’Malta u f’Għawdex. Dan hu importanti mhux biss għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, imma anke għan-negozjanti u għal min iħaddem. Dan jirrifletti l-prinċipji u l-valuri tagħna: kontra l-abbuż u nirrispettaw id-dinjità tal-bniedem.

Waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa, li kien il-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għal dawn l-aħħar 5 snin, qal: “Matul is-snin, it-tip ta’ xogħol inbidel u aħna rridu naddattaw għal din ir-realtà. Dawn ir-regoli l-ġodda tal-UE ġew modernizzati u aġġornati biex ikunu aktar trasparenti. Irridu wkoll nipproteġu ħaddiema li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali. Dawn jixirqilhom il-protezzjoni neċessarja kif ukoll aċċess għall-informazzjoni. Ir-regoli l-ġodda jilħqu dan il-għan billi jsaħħu t-tip ta’ informazzjoni li min iħaddem hu obbligat li jipprovdi.”

Fid-diskors tiegħu, l-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, li serva bħala r-Rapporter tal-Grupp tal-PPE fuq id-direttiva fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali, qal: “L-importanza ta’ din id-direttiva fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tista’ tkun ikkonfermata minn numru ta’ limitazzjonijiet li tkellmu dwarhom il-Unions waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li kelli magħhom. Il-Unions kellmuni dwar ħaddiema li jridu jħallsu għal taħriġ obbligatorju, u dwar ħaddiema li għandu jkollhom id-drittijiet imma lanqas biss għandhom kuntratt. Dawn il-prattiċi ħżiena jridu jiġu indirizzati. Id-direttiva mhix biss ta’ benefiċċju għall-ħaddiema, imma anke għall-SMEs peress li se tassigura kompetizzjoni ġusta.”

Il-Parlament Ewropew approva wkoll liġi ġdida li tistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol. L-MEP Francis Zammit Dimech, li wkoll kien ir-Rapporter tal-Grupp tal-PPE fuq il-liġi fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali, qal: “Ma nistgħux ma nagħtux importanza d-dritt li nistgħu naħdmu fi stati membri differenti. Illum, diversi impjiegi jinvolvu elementi f’pajjiżi differenti u rridu nassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jkunu rispettati fl-UE. Dan jista’ jsir jekk ikun hemm aktar koperazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà soċjali biex tkun iffaċilitatà s-sistema tal-pensjonijiet. L-Istati Membri għandu jkollhom pjanijiet konkreti dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema biex ma jkunx hemm problemi jew impatti negattivi fuq l-impjiegi u s-soċjetà.”

L-MEP David Casa, li kkordina l-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fuq din il-liġi, qal: “Suq komuni li jaħdem iwassal għal tkabbir, kompetizzjoni u kummerċ. Dan hu wieħed mill-akbar suċċessi tal-Unjoni u rridu nkomplu naħdmu biex nibnu fuq dan is-suċċess billi nassiguraw mobbiltà ġusta fi ħdan l-UE. Biex nagħmlu dan, kien importanti li noħolqu regoli ċari, ġusti u li jistgħu jitwettqu dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema. Dan se jsir permezz ta’ sinerġiji aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali. L-awtorità se tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-abbuż u biex jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini li jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat