“Żidu l-fondi tal-EU għal Għawdex” - Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew

29.05.2018 9:31

“Żidu l-fondi tal-EU għal Għawdex” - Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Waqt diskors b’saħħtu dwar il-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea, Roberta Metsola appellat għal żieda fil-fondi tal-UE għal Għawdex, u sejħet għall-flessibilità u soluzzjonijiet speċifiċi għal gżejjer u reġjuni fejn it-tkabbir ma kienx fl-istess rata tal-livell nazzjonali.

L-MEP Metsola qalet “Waħda mill-kritika li qed taffaċċja l-Ewropa hi li hi wisq burokratika u riġida - għalhekk hu importanti li nkunu kapaċi nwasslu l-messaġġ x’qed jagħmel l-fondi tal-UE għan nies fil-ħajja ta’ kuljum. Irridu nassiguraw li ebda ċittadin ma jibqa’ lura - qed nirreferi b’mod speċifiku għal gżejjer bħal Għawdex, fejn it-tkabbir ekonomiku ma kienx l-istess bħal Malta. Dawn il-fatti ma jistgħux jiġu injorati f’dak li għandu x’jaqsam għal fondi tal-UE. Irridu nsibu t-triq ‘il quddiem.”

Waqt li kienet qed titkellem wara d-diskors, l-MEP Metsola qalet “Il-fondi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ l-ekonomija Għawdxija. Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, dikjarazzjoni speċifika dwar Għawdex li kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea, kienet mehmuża mal-ftehim ta’ sħubija u li tobbliga lill-UE biex tirrapporta dwar differenzi bejn Għawdex u Malta, u biex tikkonsidra dan kollu fl-allokazzjonijiet tal-baġit. Dan ifisser li Għawdex jista’ jibqa’ eliġibbli għall-fondi, irrispettivament mis-sitwazzjoni f’Malta. Dan kollu jiddependi fuq il-Gvern li jrid jagħmel il-pressjoni neċessarja fuq l-awtoritajiet Ewropej. Aħna qed nagħmlu l-parti tagħna mill-Parlament Ewropew, iżda hekk kif bdew in-negozjati dwar il-baġit tal-UE, wasal iż-żmien li l-Gvern ipoġġu lil Għawdex fiċ-ċentru. Tħallux lil Għawdex jaqa’ lura.”

Waqt id-dibattitu mal-Kummissarju Ewropew għall-Baġit Günther Oettinger, l-MEP Metsola tkellmet dwar il-bżonn ta’ żieda fil-fondi għall-programm Ewropew Erasmus. Hi laqgħet iż-żieda proposta fil-baġit u qalet “Li se nirduppjaw il-baġit hu pass tajjeb, imma xorta mhux biżżejjed għal dan il-programm li jifformula l-qlub, l-imħuħ u l-futur taż-żgħażagħ Ewropej. Ejja nkunu ċari u nsaħħu t-twemmin tagħna għall-ideali Ewopej - u ma hemmx post aħjar milli nibdew bl-Erasmus.”

Dwar l-immigrazzjoni, l-MEP Metsola laqgħat iż-żieda bi tliet darbiet tal-baġit tal-UE ddedikat għal din it-tema u qalet “dan se jgħin biex nsaħħu l-fruntieri, b’żieda ta’ 10,000 gwardjan tal-fruntieri, u nirrispondu għal dawk fil-bżonn tal-protezzjoni. Aktar flessibilità tfisser li nkunu nistgħu nirrispondu b’mod effettiva għar-realtajiet tal-lum. Din kienet neċessarja.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat