It-tfixkil kontinwu fl-investigazzjonijiet ta' korruzzjoni juri biċ-ċar li l-pulizija hija ostaklu għall-ġustizzja - Casa

21.03.2023 11:51

It-tfixkil kontinwu fl-investigazzjonijiet ta' korruzzjoni juri biċ-ċar li l-pulizija hija ostaklu għall-ġustizzja - Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

L-MEP David Casa żied il-pressjoni tiegħu fuq il-Pulizija wara li ġie żvelat li rejd dwar korruzzjoni ġie mwaqqaf mill-Pulizija. Dan ir-rejd kien ordnat li jsir fuq aġenzija tal-istat b’rabta ma’ inkjesta maġisterjali. 
 
Casa stqarr li “Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-Kummissarju tal-Pulizija, li suppost huwa responsabbli mill-prosekuzzjoni tal-kriminalità, qiegħed minflok ikompli jiddefendiha. Hemm aġenda sabiex jiġu protetti l-predeċessuri ta’ Robert Abela li qegħdin jkomplu jikkalpestaw l-integrità tas-sistema tal-ġustizzja.

"Dan ma huwa xejn għajr stat maħtuf mill-interessi tal-kriminali."

Casa kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u lill-Viċi President responsabbli mill-istat tad-dritt, Vera Jourova. L-ittra ntbagħtet wara xahar ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija Maltija fl-iskandlu tal-Vitals/Steward, u aktar nuqqas ta’ azzjoni fl-iskandlu tal-wind farm ta’ Mozura fil-Montenegro, meta d- Dipartiment tal-Pulizija tar-Reati Finanzjarji mar kontra ordni maġisterjali biex issir tfittxija fil-bini tal-Enemalta.

Fl-ittra tiegħu Casa kiteb lill-Kummisjoni li “minkejja l-evidenza ċara daqs il-kristall ta’ korruzzjoni lampanti, l-investigazzjonijiet jidhru li qed jiġu mfixkla. Saħansitra, ġie ordnat rejd mill-maġistrat inkwirenti fil-bidu ta’ Diċembru...li sal-lum, id-Dipartiment tal-Pulizija tar-Reati Finanzjarji irrifjuta li jwettaq.

“B’hekk, jidher ċar li l-Pulizija qiegħda kontinwament tagħmel il-bsaten fir-roti lill-ġustizzja Maltija, u qiegħda tfixkel ix-xogħol tal-inkjesta maġisterjali b’intenzjoni waħda li jibbenefikaw biss dawk li jinsabu fil-poter, dawk il-kriminali li serqu l-kaxxa tal-istat.”

Casa ċanfar lill-Gvern Malti għar-riformi fażulli tiegħu li baqgħu fuq il-karta u li kienu sempliċiment strateġija ppjanata sabiex jitwaqqaf l-iskrutinju għall-kollass fil-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni fl-għola livelli mwettqa minn uffiċjali tal-Gvern Laburista, filwaqt li faħħar lil dawk li qattgħu snin jiġġieldu għas-saltna tad-dritt fin-nuqqas ta’ Pulizija effettiva.

Casa fakkar fl-ittra tiegħu lil Von Der Leyen ta' meta hija ħadet il-kariga tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea u ta' meta kien hemm il-protesti tal-2019, hekk kif l-amministrazzjoni ta’ Muscat kienet ser tasal fi tmiema.

 “Malta dakinhar kienet fuq xifer l-irdum. Pero llum nistgħu ngħidu li s-saltna tad-dritt baqgħet sejra lura minn dakinhar għax is-suċċessur ta’ Muscat mhuwiex kapaċi li jipproċedi kontra l-korruzzjoni, jew agħar minn hekk, l-aġir tiegħu qed isaħħaħ l-impunità ta’ Muscat u lill-kompliċi kriminali tiegħu,” l-ittra tikkonkludi.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat