Roberta Metsola se tmexxi l-liġi l-ġdida tal-UE dwar il-fruntieri

29.10.2018 9:30

Roberta Metsola se tmexxi l-liġi l-ġdida tal-UE dwar il-fruntieri

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

In-negozjati dwar liġi ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tmexxi l-mod kif il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jkunu ġestiti ġew fdati lill-MEP Roberta Metsola, li ngħatat ir-rwol uffiċjali tar-rapporteur tal-Parlament Ewropew.

Ir-Rapport Metsola hu mistenni li jbiddel totalment il-mod li bih huma protetti l-fruntieri tal-Ewropa, jgħin biex tonqos il-kriminalità bejn il-fruntieri, u jirranġa s-sistema tar-ritorn sikur tal-immigranti rregolari, li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni fl-Ewropa.

“Hi responsabbiltà enormi u unur kbir, mhux biss għalija personali li ġejt fdata biex immexxi din il-liġi, iżda wkoll għal Malta u Għawdex. Dan ir-rapport se jkun is-sinsla tal-liġi Ewropea fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-ażil, il-prevenzjoni tal-kriminalità bejn il-fruntieri, l-kontroll tal-istess fruntieri, kif ukoll ir-ritorn ta’ immigranti rregolari. Ma nistgħux infallu,” qalet l-MEP Metsola.

Roberta Metsola, li kienet ġiet eletta bħala l-koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fuq dawn it-temi, ddeskriviet il-prijoritajiet ta’ din il-liġi, u qalet li “waħda mill-affarijiet li trid tara li jiġu introdotti hi li sal-2020, l-UE jkollha forza qawwija ta’ 10,000 gwardji ġodda għall-fruntiera u l-kosta. Dan se jkun ifisser li għall-ewwel darba, nkunu kapaċi nirrispondu b’mod immedjat jekk naraw xi kriżijiet tal-immigrazzjoni mal-fruntieri - iżda mhux biss - din il-liġi se tipprovdi lill-UE bl-għodda li għandha bżonn biex tassigura li nkunu kapaċi mhux biss nirrispondu għall-pressjonijiet tal-immigrazzjoni, imma anke niprevenuhom. Mhux biss qed nindirizzaw l-immigrazzjoni, iżda anke niprevenu l-kriminalità bejn il-fruntieri u nipproteġu ċ-ċittadini tal-UE.”

“Meta naraw il-pressjoni fuq il-fruntieri ta’ pajjiżi terzi, barra l-UE, irridu nkunu kapaċi li nieħdu l-opportunità ngħinu lil dawn il-pajjiżi jkampaw mal-pressjoni tal-immigrazzjoni. Għandna l-apparat u l-fondi biex ngħinu lil dawn il-pajjiżi jirritornaw lil dawk in-nies li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni. Irridu nkunu kapaċi li nibgħatu l-esperti tal-ażil u l-ajruplani lill-Afrika ta’ Fuq per eżempju, jekk jitolbu l-għajnuna tal-UE biex jibgħatu lura immigranti rregolari - sa issa, skont il-liġi, l-UE ma tistax tagħmel dan,” żiedet Metsola.

Hi emfasizzat li “irridu noħolqu uffiċċji tal-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta Ewropea madwar l-UE, u nassiguraw il-preżenza fiżika f’postijiet oħra minbarra Varsavja, fejn bħalissa hemm l-Aġenzija. Dan hu importanti b’mod partikolari għall-pajjiżi fil-Mediterran.”

Hi qalet “il-prijoritajiet ġenerali huma li nsalvaw il-ħajja tan-nies fil-baħar, nissalvagwardjaw l-integrità tal-fruntieri esterni tagħna, u nassiguraw li d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd ikunu protetti. Dan hu essenzjali. Jien determinata li naslu għal ftehim qabel tmiem din il-leġiżlatura u qabel is-sajf li ġej. Dan ifisser li rridu naħdmu lejl u nhar, imma nemmen li nistgħu naslu.”

L-MEP Metsola se tkun qed tiltaqa’ ma’ stakeholders f’Malta u madwar l-UE biex tisma’ mingħandhom l-ideat tagħhom dwar din il-liġi.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat