Roberta Metsola se tmexxi investigazzjoni fuq l-allegazzjonijiet dwar il-Frontex

23.02.2021 9:28

Roberta Metsola se tmexxi investigazzjoni fuq l-allegazzjonijiet dwar il-Frontex

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Vice President Roberta Metsola MEP speaking during a Committee meeting.
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President tal-kumitat investigattiv il-ġdid, li għadu kif ġie nkarigat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Frontex.

Il-ħatra tagħha kienet appoġġata minn kull grupp politiku ewlieni fil-Parlament Ewropew.

Ftit wara li ġiet maħtura, il-Viċi President Metsola qalet; "Permezz ta’ dan il-proċess irridu nagħtu tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li qed jitqajjmu u nirrakkomandaw titjib fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet."

Il-VP Metsola se tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew fi żmien ta’ erba’ xhur. Hija qalet li "aħna se niffokaw fuq aspetti differenti inkluż il-konformità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; l-amministrazzjoni interna tal-Aġenzija, u l-importanza li jintlaħqu standards ta’ trasparenza u kontabilità li huma dejjem mistennija minn kull aġenzija tal-UE."

 Il-VP Metsola qalet, “Il-mandat ta’ dan il-Kumitat ġdid huwa wiesgħa apposta biex ikun jista’ jħares lejn kull aspett differenti tal-ħidma tal-Aġenzija. Ser ikun hemm ukoll analiżi fuq jekk din il-ħidma tal-Frontex taqbilx mal-valuri u l-miri tal-UE fuq dan is-suġġett. Nispera li l-proċess iwassal għal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li jagħtu ċarezza liċ-ċittadini inġenerali.

Jien grata tal-fiduċja li l-gruppi politiċi differenti qed jagħtuni biex immexxi dan il-grupp ta' skrutinju u qed inħares 'il quddiem għax naf li ser naħdem ma' grupp dinamiku, b'esperjenza, ta' MPE mill-isfondi politiċi kollha."

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat