Indirizzat it-tħassib tal-istudenti, żgħażagħ u sportivi Maltin dwar l-Erasmus - Zammit Dimech

01.04.2019 10:07

Indirizzat it-tħassib tal-istudenti, żgħażagħ u sportivi Maltin dwar l-Erasmus - Zammit Dimech

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Francis Zammit Dimech MEP meeting students who participated in the Erasmus+ Programme
Traduzzjoni
Select language:

“L-ewwel intervent tiegħi fil-Parlament Ewropew kien biex inressaq it-tħassib taż-żgħażagħ l-istudenti Maltin dwar l-Erasmus. Minn dakinhar, jien ressaqt ‘il quddiem l-ideat tal-Maltin u l-Għawdxin fuq livell tal-UE. Kuntent li għamilna pass ‘l quddiem biex nitripplaw il-baġit għall-perjodu 2021-2027, miżura li se twassal biex aktar studenti, żgħażagħ u sportivi Maltin u Għawdxin jipparteċipaw fi programmi ta’ skambju.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni fuq il-programm Erasmus għas-7 snin li ġejjin.

Zammit Dimech ikkonsulta ma’ diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-KSU (Kunsill Studenti Universitarji), l-KNŻ (il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ), l-ESU (l-Unjoni Ewropea tal-Istudenti) u organizzazzjonijiet tal-isport kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fl-ewwel intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew aktar minn sena ilu, Zammit Dimech kien ressaq it-tħassib taż-żgħażagħ u l-istudenti dwar il-burokrazija u d-dewmien fil-fażi tal-applikazzjoni u l-problemi mar-rikonoxximent tal-istudju li jkunu saru f’istituzzjonijiet edukattivi oħra. Zammit Dimech ressaq ukoll it-tħassib mal-Kummissarju Ewropea tal-Edukazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport. Hu kien stieden ukoll parteċipanti tal-Erasmus minn Malta u Għawdex biex jagħtu r-rispons tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-UE waqt attività speċjali li saret fil-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Erasmus. Zammit Dimech spjega kif il-miżuri l-ġodda jinsistu għal appoġġ amministrattiv għall-applikanti, biex il-proċess ikun aktar faċli.

Fil-Kumitat tal-Edukazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport, li hu membru tiegħu, Zammit Dimech kien insista mar-Rapporter dwar il-bżonn li l-Erasmus ikun aktar inklussiv u biex ikun assigurat li persuni li huma żvantaġġati ma jkunux esklużi minn dan il-programm sempliċiment ħabba ostakli ekonomiċi. Iż-żieda fil-fondi tfisser li aktar żgħażagħ jipparteċipaw f’dan il-programm. Dwar dan, Zammit Dimech spjega kif l-aġenzija nazzjonali ta’ Malta se tkun mitluba toħroġ b’miżuri biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà’, tbiddel l-għotjiet ta’ kull xahar u b’mod regolari, tirrevedi l-ispejjeż ta’ kuljum.

Zammit Dimech insista wkoll biex tiżdied l-enfasi fuq l-isport. “Jien żort diversi nurseries u organizzazzjonijiet tal-isport matul l-aħħar xhur. Rajt numru ta’ prattiċi tajbin, imma rajt ukoll ix-xewqa mill-organizzazzjonijiet tal-isport biex jieħdu sehem fl-iskambji tal-Erasmus. Għalhekk jien appellajt biex l-Erasmus ma jiffokax biss fuq l-akkademja, imma jagħti wkoll importanza lill-isport.”  Zammit Dimech żied jgħid li Malta u Għawdex jesperjenzew rata għolja ta’ obeżità’ u dijabete. Irridu ninvestu aktar fl-isport f’kull livell. Il-proposta tal-Parlament Ewropew tinsisti wkoll dwar dan. Il-programm issa se jipprovdi wkoll baġit biex atleti żgħażagħ u kowċis tal-isport ikunu jistgħu jipparteċipaw fi skemi ta’ mobbiltà’.

Il-programm hu wkoll aħbar tajba għall-MCAST, peress li l-iskambji ta’ edukazzjoni vokazzjoni tpoġġew ukoll bħala prijorità’.

Il-proposta tinsisti wkoll għall-fondi għall-inizjattiva DiscoverEU, biex tassigura li aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’xejn meta jagħlqu 18-il sena. Sadanittant, saret enfasi wkoll fuq il-bżonn li dan il-programm ikun żviluppat u jinkludi t-tagħlim u li l-esperjenza tkun imxerrda.

Il-ftehim issa jrid ikun innegozjat u maqbul mal-Kunsill. Zammit Dimech insista mal-Gvern Malti biex juża r-riżorsi kollha tiegħu fi Brussell biex jassigura li l-Kunsill jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew matul in-negozjati. Zammit Dimech fakkar kif diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-KNŻ, insistew biex il-baġit jiżdied. “Għandna bżonn sforz konġunt biex naraw li dan iseħħ,” temm jgħid.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat