Għażel pajjiż
Agħżel il-pajjiż tiegħek biex issegwi l-aħbarijiet mill-MPE lokali tiegħek:
Il-pajjiżi ta' hawn taħt ma jippubblikawx kontenut bil-lingwa tiegħek. Agħżel il-pajjiż jekk trid issegwi aħbarijiet bl-Ingliż jew bil-lingwa(i) nazzjonali tagħhom:
Il-Lingwa magħżula: Malti
X'qed tfittex?
07.12.2018 12:32
Il-liġi tal-kumpaniji tal-UE: il-vantaġġi tat-taxxa għandhom jibqgħu kompetenza nazzjonali - Zammit Dimech
“Il-vantaġġi tat-taxxa huma vitali biex nattiraw attività ekonomika lejn Malta. Eluf ta’ impjiegi jiddependu fuq dawn il-miżuri. Hu għalhekk li jien ħdimt biex nassigura li l-liġi tal-kumpaniji tal-UE ma taffetwax il-kompetittività ta’ pajjiżna. Madanakollu, l-Gvern Malti jrid jagħmel il-parti tiegħu billi ma jħallix dell ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u jiġġieled b’kull mod possibbli kontra l-ħasil tal-flus u l-kumpaniji sigrieti.”
L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali approva rapport dwar il-liġi tal-kumpaniji. L-abbozz oriġinali propost mill-Kummissjoni Elettorali kien jissuġġerixxi li l-mobbiltà tal-kumpaniji tkun projbita mill-awtoritajiet kompetenti, jekk dan ikun ftehim immirat li jwassal għal vantaġġi ta’ taxxa. Zammit Dimech ressaq emendi u rnexxielu jġib kunsens mill-gruppi politiċi l-oħra biex jassigura li dan it-test marbut mal-affarijiet ta’ taxxa jitħassar.
Ir-reżistenza għal dawn it-tip ta’ proposti dwar it-taxxa għandha l-appoġġ taż-żewġ partiti kif ukoll diversi stakeholders lokali. “Jeżisti kunsens li s-sistemi tat-taxxa għandhom jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri,” żied Zammit Dimech. Hu fakkar kif waqt in-negozjati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Nazzjonalista kien assigura li temi marbuta mat-taxxa jibqgħu taħt il-kompetenza nazzjonali. Zammit Dimech qal li bħala Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Parlament Malti, hu kien ħadem fuq rapport li kien joġġezzjona bl-aktar mod ċar għal din it-tip ta’ politika.
“Il-politika dwar it-taxxa hi għodda li tista’ tikkumpensa għall-iżvantaġġi naturali u permanenti tal-insularità u l-periferija ta’ Malta, u tassigura kompetittività b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi finanzjarji,” enfażizza Zammit Dimech. Hu żied jgħid li s-settur tas-servizzi finanzjarji u dak tal-gaming jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol u benefiċċji għal diversi familji Maltin. “Dan hu eżempju ta’ kif niddefendi l-interessi ta’ Malta u l-poplu Malti fil-Parlament Ewropew. L-interess tiegħi jibqa’ li nissalvagwardja l-impjiegi ta’ eluf ta’ Maltin fis-setturi finanzjarji u tal-gaming, kif ukoll eluf oħra li jiddependu fuq dawn is-setturi permezz ta’ akkomodazzjoni u divertiment, fost l-oħrajn.”
Zammit Dimech żied jgħid li filwaqt li hu dispost li jissalvagwardja l-interessi tan-nies li jaħdmu u jiddependu fuq dawn is-setturi, hu kruċjali li anke l-Gvern jagħmel il-parti tiegħu. Il-fatt li l-Gvern dam biex adotta d-direttiva kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll li ma keċċiex lil Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-iskandlu tal-Panama Papers u r-rivelazzjonijiet ta’ 17 Black, qed ikomplu jpoġġu lil Malta taħt skrutinju. “Irridu noqgħodu attenti li ma npoġġux dell ikrah fuq Malta, għaliex hekk ikun hemm konnessjoni ħażina ma’ Malta minħabba l-ħasil tal-flus, dawn in-nies u l-impjiegi jkunu affettwati.”
Zammit Dimech qal li l-liġi kif inhi hi pass pożittiv u toffri mobbilità għall-kumpaniji fl-istati membri tal-UE, u għalhekk tiffaċilita l-kummerċ u żżid l-impjiegi. Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi regoli li jippermettu l-kumpaniji li jimxu, jingħaqdu u jinħallu mal-fruntieri nazzjonali kif ukoll fl-UE b’mod aktar faċli, filwaqt li jassiguraw salvagwardji legali kontra l-frodi. Ir-regoli l-ġodda jassiguraw li dawn il-proċeduri jkunu irħas, aktar faċli, aktar ċari u effettivi. Ir-regoli jsaħħu wkoll id-dritt għall-informazzjoni u konsultazzjoni għal dawk li jimpjegaw il-ħaddiema, kif ukoll miżuri aktar b’saħħithom li jipproteġu lix-shareholders u l-kredituri.
Nota lill-edituri
Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.
ex ewroparlamentari tal-Grupp PPE
Matthew BONETT
eks impjegat
6 / 50