Il-kreaturi Maltin għandhom jitħallsu minn Facebook - Francis Zammit Dimech

05.04.2019 8:37

Il-kreaturi Maltin għandhom jitħallsu minn Facebook - Francis Zammit Dimech

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

“Jien ħdimt b’suċċess sabiex l-artisti u l-kreaturi Maltin jitħallsu minn YouTube għall-kontenut li joħolqu u jxerrdu online. Ħdimt biex nassigura rimunerazzjoni ġusta għall-artisti. Issa, bdejt kampanja biex nassigura li kreaturi Maltin jitħallsu wkoll għall-vidjows li jtellgħu fuq Facebook, bħall-kumplament tal-kreaturi Ewropej.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara laqgħa ma’ Facebook fi Brussell biex jiddiskuti din il-materja. Zammit Dimech kien akkumpanjat minn Fabian Borg minn Creators Malta.

Fabian Borg nieda petizzjoni li tinsisti biex Facebook jinkludi lil Malta fil-Programm Ad Breaks. Zammit Dimech diġà ffirma din il-petizzjoni. Ad breaks huma reklami qosra li l-kreaturi jistgħu jinkludu f’vidjows eliġibbli li huma jipproduċu biex jaqilgħu l-flus. Dawn ir-reklami jitpoġġew f’waqfiet naturali jew intervalli li jagħżlu l-kreaturi. Jekk wieħed imur fuq Facebook, jinduna li Malta mhix eliġibbli għal dan il-programm.

Fabian Borg minn Kreaturi Malta qal: “Wara s-suċċess biex Malta daħlet fil-YouTube Partner Programme (YPP), issa wasal iż-żmien biex nindirizzaw anke Facebook, u ninkludu lil Malta fil-Facebook Ad Breaks Programme. Bħall-YPP, il-Facebook Ad Breaks jippermettu kreaturi lokali biex jagħmlu l-flus minn vidjows li jkunu tellgħu fuq il-Paġni ta’ Facebook, billi juru reklami ta’ Facebook mal-vidjows tagħhom. Skont il-Eurostat, b’ċifra ta’ 87%, Malta tinsab fit-tieni post fost l-Istati Membri tal-UE ta’ nies li jużaw il-Facebook, u 75% tan-negozji jagħmlu użu minn din il-pjattaforma biex jirreklamaw. Minkejja d-daqs tagħna, żgur li aħna importanti u wasal iż-żmien biex Facebook jittratta lil Malta bħall-istati membri l-oħra tal-UE.

Zammit Dimech, li hu membru tal-Kumitat responsabbli mill-Media, organizza kampanja ta’ sena li wasslet biex il-YouTubers Maltin jitħallsu. Hu qal, “Irrispettivament mid-daqs tagħna, għandna ħafna kreaturi f’Malta u Għawdex. Jien nemmen li nistgħu mmexxu ‘l quddiem is-settur tal-kreattività f’Malta, u noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Għalhekk se nkun qed immexxi ‘l quddiem din il-kampanja.” Zammit Dimech qal ukoll, “Din se tkun kampanja oħra twila, imma jien determinat li nkompli nservi bħala l-vuċi tal-artisti u l-kreaturi.” Zammit Dimech diġà jinsab f’kuntatt ma’ Facebook u se jkollu laqgħat fil-ġranet li ġejjin.

L-MEP Zammit Dimech u Fabian Borg kellhom ukoll laqgħa ma’ Marco Pancini, id-Direttur Ewropew ta’ YouTube għall-Politika fl-uffiċini ta’ YouTube fi Brussell. Waqt din il-laqgħa, Fabian Borg preżenta lill-MEP Zammit Dimech u lil Marco Pacini tifkira biex jirringrazzja kemm lill-MEP kif ukoll lil YouTube għall-appoġġ tagħhom biex jaslu għal dan l-għan importanti li Malta tkun inkluża fil-YPP.

Il-petizzjoni tinsab miftuħa u tista’ tiġi iffirmata hawnhekk.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat