Il-Gvernijiet tal-UE jappoġġjaw ‘il-liġi ta’ Metsola’ dwar is-sigurtà tal-fruntieri

02.04.2019 14:48

Il-Gvernijiet tal-UE jappoġġjaw ‘il-liġi ta’ Metsola’ dwar is-sigurtà tal-fruntieri

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Malta tivvota favur il-liġi ta’ Metsola

Waqt laqgħa fi Brussell, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, nkluż Malta, appoġġjaw il-‘liġi ta’ Metsola’, li hi liġi ġdida dwar l-Aġenzija Ewropea tal-Gwardji tal-Kosta u l-Fruntiera ġdida, mmexxija ‘l quddiem u nnegozjata mill-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola.

Dan hu pass kruċjali ‘l quddiem wara li, l-ġimgħa li għaddiet, l-MEP Metsola rnexxielha tinnegozja ftehim proviżorju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Wara li ngħatat l-appoġġ mill-Istati Membri, llum, l-istess liġi ngħatat appoġġ b’saħħtu mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern waqt vot fil-Parlament Ewropew li ngħata l-appoġġ minn MEPs minn gruppi politiċi differenti.

L-MEP Roberta Metsola qalet, “Din verament hi rebħa kbira għal Malta u l-kumplament tal-Ewropa. Ninsab kuntenta li dak li ħafna ħasbuh impossibbli, rnexxielna nagħmluh fi żmien rekord. Din il-liġi l-ġdida se tidħol fis-seħħ dalwaqt, u se twassal għal bidla radikali fl-immaniġġjar tal-fruntieri tal-Ewropa. B’mod sinifikanti, dan ifisser iż-żieda ta’ 10,000 gwardji tas-sigurtà u l-fruntieri ġodda, mekkaniżmu effiċjenti biex dawk l-immigranti li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni jintbagħtu lura, kif ukoll għodod ġodda fil-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri.”

Fuq Twitter, il-Kummissarju Ewropea għall-Immigrazzjoni u l-Intern Dimitris Avramopoulos faħħar lill-MEP Metsola u rringrazzjaha għall-isforzi tagħha biex tassigura ftehim f’ċirkustanzi daqshekk diffiċli.

L-MEP Metsola spjegat li din il-liġi l-ġdida hi r-risposta tal-Unjoni Ewropea għat-tħassib taċ-ċittadini, kemm f’Malta u Għawdex, kif ukoll fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, dwar is-sigurtà mal-fruntieri. “Kull familja li nżur u kull negozjant li nitkellem miegħu, kollha jsemmuli s-sigurtà. In-nies huma mħassba dwar is-sigurtà, u qed jistennew mill-Ewropa li tipprovdi t-tweġibiet. Aħna weġibna fi żmien rekord b’din il-liġi ġdida u importanti. Dan ifisser li din il-liġi se tidħol fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”

Il-pass li jmiss qabel il-liġi tidħol fis-seħħ hu l-approvazzjoni tal-MEPs fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu aktar tard dan ix-xahar.

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat