Forbidden Stories l-ewwel rebbieħa tal-Premju Daphne

14.10.2021 12:30

Forbidden Stories l-ewwel rebbieħa tal-Premju Daphne

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa addressing an event honouring Daphne Caruana Galizia at the European Parliament
Traduzzjoni
Select language:

Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi l-ħidma tal-ġurnalisti fil-Proġett Pegasus

Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia huma Forbidden Stories, għall-ħidma tagħhom fil-Proġett Pegasus. Tim ta’ ġurija indipendenti ġejjin mis-settur ġurnalistiku u dak tal-midja għażlu r-rebbieħ, wara perjodu ta’ sottomissjonijiet aktar kmieni din is-sena.

Rappreżentanti ta’ Forbidden Stories irċevew l-unur waqt ċerimonja li saret fis-Sala tal-Konferenzi tal-Aħbarijiet fi Brussell illum waranofsinhar. Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa, li mexxa ‘l quddiem il-ħolqien ta’ dan il-premju, attenda għal din iċ-ċerimonja, li kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli.

Filwaqt li feraħ lil Forbidden Stories għal dan is-suċċess, l-MEP Casa qal: “L-Ewropa għandha bżonn aktar Forbidden Stories. Id-dettalji li nkixfu kemm fil-Proġett Pegasus kif ukoll fil-Proġett Daphne jikkonfermaw ir-riskji li jinsabu fihom ġurnalisti, opinjonisti, s-soċjetà ċivili, politiċi, kif ukoll individwi oħra. Dan il-Premju għandu jiftaħ għajnejn dawk kollha li jheddu, jipprovaw jagħlqu ħalq, jew jipprovaw joqtlu lill-ġurnalisti: il-Parlament Ewropew se jagħmel minn kollox biex jipproteġi lill-ġurnalisti u lid-demokraziji fl-Istati Membri kollha tal-UE.” Il-Kwestur David Casa rringrazzja lill-ġurnalisti għall-kuraġġ u d-determinazzjoni biex jikxfu dak li ħaddieħor jipprova jżomm sigriet, biex jaraw li l-politiċi jagħmlu xogħolhom, u biex jassiguraw li d-demokraziji jibqgħu ħajjin.

Il-Proġett Pegasus ra l-involviment ta’ aktar minn 80 ġurnalist minn aktar minn 17-il organizzazzjoni differenti li ħadmu flimkien biex żvelaw dettalji ta’ allegat spjunaġġ li sar minn klijenti tal-Grupp NSO, permezz tas-software Pegasus. Vittmi ta’ dan l-abbuż jinkludu l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President Franċiż Emmanuel Macron, ġurnalisti u attivisti fl-Ungerija, kif ukoll attivisti fl-Ażerbajġan.

It-tieni edizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia mistennija ssir f’Ottubru 2022.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'179 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat