Fittxu lill-kriminali mhux dawk li jikxfuhom - MEPs

24.03.2023 17:11

Fittxu lill-kriminali mhux dawk li jikxfuhom - MEPs

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa
Traduzzjoni
Select language:

Il-ko-Presidenti tal-Grupp Parlamentari Ewropew għal-Midja, l-MEPs David Casa u Ramona Strugariu kkundannaw il-proċeduri kriminali kontra l-awtur Malti Mark Camilleri, talli ppubblika dokumenti li potenzjalment jesponu tixħim u korruzzjoni bejn deputata fil-Parlament Malti u l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

“Huwa inaċċettabbli li awtur jiġi mressaq talli ppubblika evidenza li hija fl-interess pubbliku, b’mod ċar daqs il-kristall. Dan huwa iktar u iktar inaċċettabbli minħabba l-fatt li l-kawża fil-Qorti nfetħet mid-deputata bil-ħsieb li ssikket lill-awtur, meta d-dokumenti ppubblikati juru li Camilleri kien korrett fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.”

L-MEPs Casa u Strugiariu nnutaw kif id-Deputata Rosianne Cutajar użat il-kariga pubblika tagħha sabiex timbotta l-interessi tal-allegat qattiel filwaqt li aċċettat ir-rigali u l-flus.

“L-awturi u l-ġurnalisti huma f’pożizzjoni mill-aktar vulnerabbli meta l-imġieba kriminali ma tiġix ikkastigata għaliha anke wara li nkixfet. M’huwiex aċċettabbli kif tant snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, s’issa għadu ħadd ma tressaq fuq korruzzjoni u ħasil tal-flus li hi kienet kixfet u li fil-fatt inqatlet sabiex titwaqqaf milli tkompli tikxef. L-apatija fir-rigward ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli meta mqabbla mal-azzjoni mgħaġġla kontra s-Sur Camilleri turi biċ-ċar li l-istituzzjonijiet Maltin qed ikomplu jkunu fundamentalment imminati.”

Id-dokumenti ppubblikati jindikaw li possibbilment kien hemm tixħim u korruzzjoni bejn Yorgen Fenech u l-MP. Inkredibbilment, minkejja li din l-informazzjoni ilha fil-pussess tal-pulizija u l-Avukat Ġenerali għal tliet snin sħaħ, s’issa għadhom ma tressqu l-ebda akkużi. Dan huwa ta’ inkwiet gravi.

“Nappellaw lill-awtoritajiet Maltin sabiex immedjatament jirtiraw il-proċeduri kontra s-Sur Camilleri u minflok jieħdu azzjoni kontra dawk kollha involuti fil-korruzzjoni u tixħim”, temmew l-MEPs.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat