ELETTI: Metsola u Casa jsiru Koordinaturi tal-Grupp tal-PPE

03.07.2019 19:38

ELETTI: Metsola u Casa jsiru Koordinaturi tal-Grupp tal-PPE

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP and Roberta Maetsola MEP
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa ġew eletti b’mod unanimu bħala Koordinaturi tal-Grupp tal-PPE fil-kumitati Parlamentari rispettivi tagħhom. Roberta Metsola ġiet eletta bħala Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, filwaqt li David Casa ġie elett bħala Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

Il-kariga ta’ Roberta Metsola waslet wara li ntgħażlet mill-Grupp tal-PPE biex tmexxi n-negozjati għall-programm ta’ prijoritajiet tal-UE għall-ħames snin li ġejjin. “Ninsab sodisfatta li ġejt eletta u li għamilt dan bl-appoġġ tal-kollegi tiegħi. Hu ta’ unur għalija bħala rappreżentanta ta’ Malta u Għawdex li ngħatajt il-fiduċja b’din il-kariga. Dan ifisser li se nkun nista’ niddefendi l-pożizzjoni Maltija f’liġijiet kruċjali Ewropej fil-ħames snin li ġejjin, u naħdem bi sħiħ biex insarraf il-fiduċja li tagħni l-poplu Malti u Għawdxi. Se nkomplu niksbu l-aqwa riżultati fl-Ewropa u ngħelbu r-realtajiet tal-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta.

It-temi li nindirizzaw f’dan il-Kumitat huma politikament sensittivi, joħolqu emozzjoni u dejjem fuq quddiem fit-tħassib taċ-ċittadini madwar l-Ewropa. In-nies jistennew minnha r-riżultati f’setturi bħas-sigurtà, t-terroriżmu, l-immigrazzjoni, l-ażil, is-saltna tad-dritt, iċ-ċittadinanza, l-privatezza, l-fruntieri, l-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali. Anke grazzi għall-Partit Popolari Ewropew, nistgħu nipprovdu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandhom in-nies. Irridu nkunu kapaċi niddistingwu lilna nfusna mix-xellug u mill-lemin estrem billi nipprovdu riżultati li huma bilanċjati, studjati u bażati fuq il-valuri,” qalet l-MEP Metsola.

Bħala Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat EMPL, l-MEP David Casa se jkun qed imexxi l-MEPs tal-grupp tiegħu f’liġijiet b’rabta mal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, l-affarijiet soċjali u l-leave tal-ġenituri. “Hu ta’ unur għalija li erġajt ingħatajt il-fiduċja tal-kollegi biex immexxi l-Grupp tal-PPE f’temi daqstant importanti għaċ-ċittadini fl-Ewropa, inkluż Malta: ix-xogħol u l-affarijiet soċjali. Din it-tema dejjem tingħata l-prijorità mill-Grupp tal-PPE u mill-Partit Nazzjonalista, u jien se nkompli nassigura li jinstab l-aqwa bilanċ bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u tan-negozji.”

David Casa emfażizza li d-drittijiet li ngħataw permezz tad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr biex ikun assigurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet, bħal-leave tal-ġenituri u tal-missirijiet, kif ukoll il-carer’s leave. “Biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-ħaddiema, ma nistgħux nitilfu aktar żmien. F’din il-leġiżlatura, se nkomplu naddottaw liġijiet ġodda li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll li jassiguraw li l-familji jqattgħu biżżejjed ħin flimkien,” qal l-MEP Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat