Tibqgħux tumiljaw lil Malta, jinsisti Casa

08.05.2025 9:37

Tibqgħux tumiljaw lil Malta, jinsisti Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

F’indirizz fil-Parlament Ewropew, l-MEP u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-PE David Casa ddikjara li d-deċiżjoni riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-iskema tal-passaporti ta’ Malta tat raġun il-pożizzjoni li ċ-ċittadinanza Maltija u Ewropea mhijiex għall-bejgħ.

Casa tkellem waqt dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, li ssejjaħ wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u wara rapporti li Russi sinjuri użaw iċ-ċittadinanza Maltija li xtraw biex jevadu pakketti ta’ sanzjonijiet adottati wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

"Jiena ma ġejtx hawn biex niddefendi l-miljuni li ħadu Henley and Partners," iddikjara Casa. "Jiena ġejt hawn biex niddefendi l-identità tal-Poplu Malti u Għawdxi."

Casa kien ilu jikkampanja kontra l-iskema sa mill-bidu tagħha, fost l-oħrajn minħabba r-riskju ta’ kriminalità organizzata, ħasil ta’ flus u evażjoni tas-sanzjonijiet, li ġibdet rabja u skrutinju mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Huwa kkritika l-allegazzjonijiet ta’ tixħim dwar l-iskema, kif ukoll it-tentattiv ta’ intimidazzjoni tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, li ffaċċjat theddid SLAPP sanzjonat mill-Gvern talli kixfet għemil ħażin dwar l-iskema.

Casa fakkar ukoll fl-isforzi tal-gvern biex isikket lill-kritiċi tiegħu, inkluż l-Oppożizzjoni, permezz ta’ kampanji ta’ malafama u theddid. “Kemm għajruna tradituri. X’kampanja ta’ mibegħda għamlu kontra dawk kollha li ħadmu biex l-iskema titwaqqaf.”

Huwa kkonkluda billi enfasizza s-sinifikat tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala rebħa għal Malta u l-poplu tagħha.

“Id-deċiżjoni tal-Qorti hija rebħa għal Malta u l-Maltin, li xebgħu jaraw isem pajjiżhom ikkalpestat biex jissodisfa r-rgħiba tal-ftit. Issa hemm bżonn sforz akbar mill-Kummissjoni, għax m’għandniex nistennew snin twal, biex tiġi indirizzata l-kollass tas-saltna tad-dritt, li għadu qed jaħkem lil pajjiżna.

“Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom aħjar minn hekk,” sostna Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat