Casa: Indħil mill-Gvern fix-xandir pubbliku huwa theddida għad-demokrazija

15.12.2022 10:44

Casa: Indħil mill-Gvern fix-xandir pubbliku huwa theddida għad-demokrazija

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor Chairperson David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Fl-indirizz tiegħu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-MPE David Casa wissa li l-indħil tal-Gvern fix-xandir pubbliku qed jhedded id-demokrazija.

“Biex insaħħu d-demokrazija, rridu nsaħħu l-indipendenza tal-libertà tal-istampa.”

Casa ndirizza dibattitu dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u l-implikazzjonijiet fuq is-saltna tad-dritt.

“Il-Kummissjoni Ewropea nnuttat indħil sinifikanti u dirett mill-Gvern fuq ix-xandir pubbliku.

“Dan huwa inaċċettabbli.”

Huwa qara mill-kapitlu dwar Malta tar-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt 2022, li tirreferi għal opinjoni esperta li “konsistentement qieset l-indipendenza tal-governanza u l-finanzjament tas-servizz pubbliku bħala qasam li jippreżenta riskju għoli ħafna, peress li “l-gvern għandu influwenza sinifikanti u diretta fuq l-istrutturi tal-midja tas-servizz pubbliku.”

“Għandna bżonn li nsaħħu r-regoli u l-mekkaniżmi biex intejbu l-governanza indipendenti u l-indipendenza editorjali tax-xandir pubbliku.”

Bħala Co-President tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Midja tal-Parlament Ewropew, Casa għamel snin jikkampanja għal liġijiet ġodda u protezzjonijiet aqwa għall-ġurnalisti u l-istampa. Huwa rringrazzja lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova għal xogħolha f’dar-rigwart.

F’April, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Direttiva kontra l-iSLAPPs, u proposta oħra għall-European Media Freedom Act f’Settembru.

“Din se ssaħħaħ l-indipendenza tax-xandir pubbliku u se tassigura trasparenza aħjar fejn tidhol l-iffinanzjar pubbliku tal-midja.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat