Casa jinsisti għar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti

07.07.2021 16:44

Casa jinsisti għar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa at the European Parliament Committee meeting
Traduzzjoni
Select language:

Jikkundannaw bil-qawwa attakk kodard fuq ġurnalist investigattiv Olandiż

"Ninsabu totalment iddisgustati u nikkundannaw bl-ikbar qawwa l-attakk kontra wieħed mill-ġurnalisti investigattivi l-iktar magħrufa fl-Ewropa, Peter R. de Vries," iddikjaraw il-Membri tal-Parlament Ewropew, li ġejjin minn diversi gruppi politiċi. Kwestur David Casa MEP, li jikkopresiedi l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Midja fil-Parlament Ewropew, ħareġ stqarrija (mehmuża) fejn talab lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi.

Ilbieraħ, is-Sur de Vries intlaqat b’tir u ndarab gravi hekk kif kien ħiereġ minn studju tat-TV fl-inħawi tal-pjazza Leideseplein ta’ Amsterdam. Bħalissa qed jiġġieled għal ħajtu l-isptar.

David Casa, flimkien mal-ewroparlamentari l-oħra qalu li “matul is-snin li għaddew, is-sigurtà tal-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea naqset b’mod drastiku. Attakki li ħallew ġurnalisti mejta, bħala ritaljazzjoni għall-investigazzjonijiet li kienu għamlu, saru aktar komuni dan l-aħħar. Għalkemm l-Unjoni Ewropea kienet sa ftit taż-żmien ilu meqjusa bħala wieħed mill-iktar spazji siguri għall-ġurnaliżmu investigattiv, illum jidher ċar li mhijiex mgħammra biżżejjed biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-ġurnalisti li jikxfu il-ħażen inġenerali u anki tal-kriminalità organizzata."

Is-Sur de Vries huwa wieħed mill-aqwa ġurnalisti investigattivi Olandiżi u Ewropej, wara li wettaq investigazzjonijiet kbar, li ħallew impatt kbir, kontra membri prominenti ta' kriminalità organizzata. Permezz tal-investigazzjonijiet tiegħu, is-Sur de Vries ħares lejn każijiet notorji ta’ ħtif u kixef gruppi kriminali, inklużi organizzazzjonijiet fuq skala kbira li jittraffikaw id-droga, u għen biex eventwalment jiżżarmaw.

Fl-istqarrija tagħhom, l-ewroparlamentari enfasizzaw li s-Sur de Vries kien difensur kbir tad-demokrazija u l-ġustizzja, minkejja n-numru ta’ theddidiet serji ħafna li kien jirċievi matul is-snin. Huwa wera kuraġġ kbir u dedikazzjoni enormi għall-professjoni tiegħu u biex jikxef il-verità. Ilbieraħ iżda, waħda minn dawn it-theddidiet immaterjalizzat ruħha.

"Nagħmlu appell lill-awtoritajiet Olandiżi relevanti biex jinvestigaw bir-reqqa dan il-każ, billi jidentifikaw kemm l-awturi kif ukoll dawk li ordnaw dan l-attakk tal-waħx, u jressquhom quddiem il-Qorti.

“U fl-istess ħin, nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu nota tas-serjetà tas-sitwazzjoni dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti fl-UE u timpenja ruħha, mill-ogħla livell, biex tindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ strateġija Ewropea komprensiva u leġiżlazzjoni dwar il-kwistjoni. Ma nistgħux inħallu nies jirriskjaw ħajjithom għad-difiża tad-demokrazija u l-ġustizzja. Wara kollox dawn huma valuri tal-UE bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni," ikkonkludew l-ewroparlamentari.

 

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat