Il-Grupp ta' Ħidma tal-Midja fil-Parlament Ewropew: Skandli madwar il-bejgħ tal-passaporti juru l-importanza tal-ġurnaliżmu investigattiv

22.10.2020 12:44

Il-Grupp ta' Ħidma tal-Midja fil-Parlament Ewropew: Skandli madwar il-bejgħ tal-passaporti juru l-importanza tal-ġurnaliżmu investigattiv

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
EU passport and cash
Traduzzjoni
Select language:

Illum il-Parlament Ewropew iddiskuta t-theddid serju għas-sigurtà kkawżat mill-bejgħ tal-passaporti u viżi tal-UE, lil ċittadini ġejjin min pajjiżi mhux Ewropej. Fl-aħħar ftit snin, numru ta’ stati membri offrew l-hekk imsejħa “viżi tad-deheb”, fejn ċittadini sinjuri jistgħu jixtru viżi fit-tul, permessi ta’ residenza jew anke ċittadinanza ta’ Stati Membri tal-UE billi jieħdu sehem f’ċerti skemi ta’ investiment. Dawn l-iskemi dubjużi, fid-diversi forom tagħhom, kienu joperaw fi Stati bħall-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija, Malta u l-Portugall, fost oħrajn.

Wara snin ta’ dewmien, il-Kummissjoni Ewropea issa uriet li hija lesta li tieħu azzjoni kontra dawn l-iskemi fil-każ ta’ Ċipru u ta’ Malta. Meta wieħed joffri ċittadinanza għal flus kontanti jkun qed idgħajjef il-pedamenti tad-demokrazija tagħna, u prattiki bħal dawn fi Stat Membru wieħed ikunu qed jaffettwaw lis-27 Membru tal-UE kollha.

L-isforzi tassew internazzjonali biex iwaqqfu dawn l-iskemi taċ-ċittadinanza saru possibbli minħabba l-isforzi ta' numru kbir ta' ġurnalisti investigattivi dedikati u kuraġġużi ġejjin minn numru ta' pajjiżi. Aħna nħossuna grati tassew għax-xogħol tagħhom. Kienu huma li żvelaw kif l-individwi li tħallew jgħixu u joqgħodu fl-UE, kienu qed jikkawżaw theddida għas-sigurtà tal-UE. Ħafna mill-benefiċjarji ta' dawn l-iskemi bnew il-ġid tagħhom permezz tal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni jew huma qrib ħafna ta' dittaturi oppressivi. Minn dak li ġie żvelat, illum nafu kif inbnew sistemi korrotti biex jitmexxew l-applikazzjonijiet b’mod immedjat ta' dawk li kienu "lesti li jħallsu iżjed", anki billi jiġu traskurati l-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa.

L-ewroparlamentari li jiffurmaw parti mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja qed jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li jiġu segwiti r-rivelazzjonijiet kollha tal-ġurnalisti dwar din il-kwistjoni. Il-ġurnalista Maltija assassinata Daphne Caruana Galizia kienet fost dawk li ħadmu biex tiżvela l-korruzzjoni wara l-istrutturi tal-bejgħ tal-passaporti. Huwa d-dmir tagħna li nirrispettaw il-memorja tagħha u nappoġġjaw lill-ġurnalisti li kellhom il-ħila li jiżvelaw il-fatti dwar din it-theddida għad-demokrazija tagħna. Id-demokrazija teħtieġ tiġi mħarsa u d-demokrazija teħtieġ ġurnaliżmu investigattiv indipendenti.

F'isem il-Grupp ta' Ħidma tal-Midja;

David Casa MPE, Kopresident tal-Grupp ta' Ħidma

Ramona Strugariu MPE, Ko-president tal-Grupp ta' Ħidma

Magdalena Adamowicz MPE

Irena Joveva MPE

Alive Kuhnke MPE

Dace Melbārde MPE

Viola von Cramon-Taubadel MPE

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat