Casa jinsisti li l-UE tkun aktar b’saħħitha mal-UAE biex tipprovdi informazzjoni dwar ħasil tal-flus

13.02.2020 9:31

Casa jinsisti li l-UE tkun aktar b’saħħitha mal-UAE biex tipprovdi informazzjoni dwar ħasil tal-flus

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa insista li l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar b’saħħitha ma’ ġurisdizzjonijiet, bħall-Emirati Għarab Magħquda, biex tassigura li dawn il-pajjiżi jikkooperaw mal-UE f’investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus. Casa għamel dan l-appell waqt diskors fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fid-dawl ta’ żviluppi riċenti li l-Emirati Għarab Magħquda rrifjutaw li jikkooperaw fl-investigazzjonijiet marbuta ma’ 17 Black.

F’Novembru li għadda, meta kien ċar li l-kumpanija sigrieta 17 Black kienet fiċ-ċentru tal-motiv marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, David Casa nsista li l-UAE għandha tikkoopera mal-awtoritajiet Maltin u Ewropej. L-MEP Casa issa qed jinsisti mal-Kummissjoni Ewropea biex ma tħallix din is-sitwazzjoni tkompli tippersisti, u li jekk hemm bżonn, ikun hemm konsegwenzi b’saħħithom li jkunu ta’ deterrent.

“Il-fatt li l-UAE qed tirrifjuta li tgħaddi l-informazzjoni jfisser li l-ġustizzja ma tistax isseħħ. Ifisser ukoll li atti kriminali li wasslu għall-qtil ta’ ġurnalista Ewropea, jistgħu jibqgħu ma jiġux kastigati. Din is-sitwazzjoni hi intollerabbli,” insista David Casa.

17 Black hi marbuta ma’ politiċi fl-ogħla livell tal-poter f’Malta. Casa qal li fid-dawl tal-iżviluppi marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hu aktar kruċjali li l-UAE tgħaddi l-informazzjoni, u dan minħabba l-atti kriminali li Daphne Caruana Galizia kienet se tikxef meta nqatlet, inkluż dawk li jinvolvu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

David Casa hu l-kelliem tal-Grupp tal-PPE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fil-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, u jifforma wkoll parti mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Peniżola Għarbija, li tinkludi l-UAE.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat