“Rebħa għall-familji fl-Unjoni Ewropea” - David Casa

04.04.2019 12:09

“Rebħa għall-familji fl-Unjoni Ewropea” - David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Id-Direttiva tal-Work Life Balance ta’ Casa ssir liġi tal-UE

Illum, il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira biex japprova r-riżultat tan-negozjati ta’ David Casa fuq id-Direttiva tal-Work Life Balance.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Wara dan il-vot, id-Direttiva tal-Work Life Balance għaddiet mill-istadji kollha leġislattivi tal-Parlament Ewropew, u issa se ssir liġi tal-UE li trid tkun implimentata mill-Istati Membri.”

Din il-liġi tal-UE se tintroduċi 10 t’ijiem ta’ leave tal-paternità mħallas, xahrejn ta’ leave tal-ġenituri mħallas għal kull ġenitur, 5 t’ijiem ta’ carer’s leave fis-sena biex ħaddiema jkunu jistgħu jieħdu ħsieb qraba morda, u d-dritt li l-ħaddiema jitolbu għal arranġamenti flessibbli fuq il-post tax-xogħol.

“Din il-liġi se ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE. F’xi Stati Membri, l-bidliet se jkunu akbar minn f’oħrajn. Għall-familji Maltin, iż-żieda se tkun sostanzjali. Minflok ġurnata waħda kif għandna bħalissa, se jingħataw 10 t’ijiem ta’ leave mħallas għall-missirijiet mat-twelid ta’ tarbija. Bħalissa, l-leave tal-ġenituri jeżisti f’Malta iżda ma titħallasx għalih. B’din il-liġi, xahrejn ta’ leave għal kull ġenitur se jkunu mħallsa sakemm it-tifel jew it-tifla jagħlqu 8 snin. Din il-liġi se tintroduċi wkoll il-carer’s leave - dritt kompletament ġdid f’Malta.

Il-fatt li r-responsabbiltajiet se jitqassmu bejn l-irġiel u n-nisa hu mistenni li jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi u jgħin nisa jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Dan se jnaqqas id-differenza fl-impjiegi bejn is-sessi, fil-pagi u fil-pensjonijiet.

Din il-liġi hi tajba għan-nisa, tajba għall-irġiel, tajba għall-familji, tajba għall-ekonomija u pass kruċjali għal Ewropa aktar soċjali. Il-ħidma tiegħi mhix se tieqaf hawn. Issa rridu nassiguraw li din il-liġi tidħol fil-liġi Maltin, u nkomplu naħdmu biex neliminaw l-inugwaljanza bejn is-sessi, u biex isir investiment fil-familji Maltin u Għawdxin.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat