Daphne: "M’aħna se nieqfu qatt. M’aħna se nċedu qatt," jisħaq il-MPE David Casa

15.10.2019 14:39

Daphne: "M’aħna se nieqfu qatt. M’aħna se nċedu qatt," jisħaq il-MPE David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Il-MPE David Casa jinawgura wirja ta’ ritratti fil-Parlament Ewropew li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia

"Irridu niżguraw li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia ma jerġax iseħħ. Aħna se nibqgħu nfakkru lil Daphne Caruana Galizia, li ssagrifikat tant għall-valuri komuni Ewropej tagħna. U għandi messaġġ wieħed għall-imħuħ wara l-qtil tagħha: M’aħna se nieqfu qatt. M’aħna se nċedu qatt."

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan waqt li kien qed jindirizza lill-mistednin waqt il-ftuħ ta' wirja fotografika li hu organizza fil-Parlament Ewropew u li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia, bl-isem 'Daphne - Il-Vuċi li Għada Magħna'.

Din il-wirja tar-ritratti turi x-xogħol ta’ wħud mill-aktar fotografi prominenti f’Malta - Darrin Zammit Lupi, Matthew Mirabelli, Paul Borg Olivier, Rene Rossignaud, Jonathan Borg, Daniel Cilia, kif ukoll is-Servizzi tal-Fotografija tal-Parlament Ewropew - li wrer il-mod li bih Daphne Caruana Galizia ser tibqa’ mfakkra f’Malta, hekk kif l-poplu Malti għadu qed jipprova jifhem x’ġara u jkompli jinsisti li ssir ġustizzja.

Fid-diskors tiegħu, il-MPE u l-Kwestur David Casa rringrazzja lis-soċjetà ċivili talli żżomm il-memorja ta’ Daphne ħajja kuljum, u talli tħaddan il-valuri li kienet temmen fihom hi.

L-eks President tal-Parlament Ewropew u l-President attwali tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati Antonio Tajani insista li se jkompli jaħdem biex jiżgura li l-imħuħ wara l-qtil ta' Daphne jitressqu quddiem il-qorti. "Aħna rridu nkunu nafu min iddeċieda li dan il-qtil għandu jseħħ. Hemm bżonn li naħdmu flimkien. Huwa faċli li nfakkruha, imma huwa iktar diffiċli biex nimxu f'din id-direzzjoni. Qatt m’aħna ser nisktu. Qatt m’aħna ser nabbandunaw din il-battalja, għax din il-battalja hija favur il-libertà. "

Il-ftuħ tal-wirja kienet indirizzata ukoll minn Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti.

IL-MPE Rumen Cristian Tehreş mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi qal li minbarra li kienet ġurnalista, Daphne Caruana Galizia kienet omm u mara. “Ċerti nies ħasbu li billi tiġi assassinata, hi ser tieqaf. Kienu żbaljati. Din hija l-verità. Armata ta' nies, aktar u aktar nies issa huma konxji ta' din il-kwistjoni u tal-importanza tal-libertà tal-midja."

IL-MPE Grieg Stelios Kouloglou mill-Grupp tax-Xellug qal li Daphne Caruana Galizia se tibqa' fil-memorja tal-Parlament Ewropew. "Fil-ħames snin li ġejjin, m'aħniex ser nieqfu imqar għal minuta waħda. Se nirreferu għal dan il-qtil f'kull okkażjoni possibbli. Aħna se nsiru ħolma kerha għal min qatilha."

Thomas Gibson, mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti qal li l-wirt li ħalliet Daphne huwa l-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali dwar il-libertà tal-istampa b'mod li l-pressjoni fuq il-każ, anke jekk sentejn wara, għada tinħass sew. “Se nibqgħu f'sitwazzjoni fejn hemm impunità fi Stat Membru tal-UE? Ma nistgħux nippermettu li dan iseħħ, u huwa għalhekk li nhar l-Erbgħa, hemm velji madwar id-dinja: fil-Belt Valletta, Berlin, Brussell, Vjenna, Ruma, Praga u Sydney. "

Pia Zammit, attivista u attriċi Maltija, qalet li dawk li qatlu lil Daphne, ma rnexxielhomx isikktuha, iżda sempliċement qajmu l-armata tagħha. "L-armata tagħha mhix ser tistrieħ sakemm il-familja tagħha u pajjiżha jkollhom ġustizzja. L-armata tagħha mhix ser tistrieħ waqt li l-korruzzjoni, l-impunità u t-terrur ikomplu jirrenjaw. L-armata tagħha mhix ser tistrieħ."

Numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew, Kummissarji Ewropej innominati, attivisti kif ukoll impjegati tal-Parlament Ewropew attendew għall-ftuħ tal-wirja, li ser tibqa' miftuħa fid-daħla tal-Parlament Ewropew sa nhar il-Ġimgħa 18 ta' Ottubru 2019.

Dan il-filmat qasir jiġbor l-aqwa siltiet tal-ftuħ tal-esebizzjoni: https://bit.ly/2ORmrID

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat