Liġi aġġornata tal-UE se tassigura ambjent tax-xogħol mingħajr kanċer - Francis Zammit Dimech

29.03.2019 8:40

Liġi aġġornata tal-UE se tassigura ambjent tax-xogħol mingħajr kanċer - Francis Zammit Dimech

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Il-kanċer hu marbut ma’ aktar minn nofs l-imwiet fl-UE li huma relatati max-xogħol. Fil-Parlament Ewropew, jien ħdimt biex insaħħaħ il-liġi tal-UE li tipproteġi lin-nies minn sustanzi li jikkawżaw fuq il-post tax-xogħol. L-Istati Membri issa jridu jagħmlu l-parti tagħhom u jassistu l-industrija biex jimplimentaw dawn il-liġijiet fl-aħjar interess tal-ħaddiema kollha.

L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Parlament Ewropew approva liġi aġġornata dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji marbuta mal-espożizzjoni ta’ karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, b’586 vot favur, 10 kontra u 26 astensjoni.

Id-Direttiva se ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Id-Direttiva tintroduċi limitazzjonijiet aktar stretti għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għal ħames sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer, fosthom il-Cadnium, il-Formaldehyde u l-aċidu arseniku. Dawn il-kimiċi jintużaw f’diversi postijiet tax-xogħol, fosthom laboratorji, industriji relatata mal-elettronika, l-kostruzzjoni, l-kura tas-saħħa, l-plastik, l-immaniġġjar tal-iskart u l-ħġieġ fost l-oħrajn, u għalhekk, dan il-pass se jipprevjeni r-riskji għal eluf ta’ ħaddiema. Zammit Dimech kien ir-Rapporter tal-Grupp tal-PPE fuq dan is-suġġett fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali.

Zammit Dimech, li hu membru tal-‘Grupp MEPs Kontra l-Kanċer’, fakkar kif għamel il-ġlieda kontra l-kanċer bħala l-prijorità tiegħu fil-Parlament Ewropew. Matul l-aħħar jiem, Zammit Dimech nieda 30 proposta li fihom qed isejjaħ għal azzjoni lokali, nazzjonali u Ewropea biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer. Waħda minn dawn il-proposti hi biex tassigura li d-direttiva aġġornata tkun implimentata malajr f’Malta, u biex in-negozji jingħataw assistenza biex jassiguraw li l-ambjent tax-xogħol ikun sigur mis-sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer.

Zammit Dimech qal li fl-UE għandu jkun hemm sforz kontinwu biex issir ir-riċerka, biex jiġu identifikati aktar sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer, u biex il-liġi tiġi aġġornata. Hu qal li l-ġlieda kontra l-kanċer se tibqa’ l-prijorità tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat