Għażel pajjiż
Agħżel il-pajjiż tiegħek biex issegwi l-aħbarijiet mill-MPE lokali tiegħek:
Il-pajjiżi ta' hawn taħt ma jippubblikawx kontenut bil-lingwa tiegħek. Agħżel il-pajjiż jekk trid issegwi aħbarijiet bl-Ingliż jew bil-lingwa(i) nazzjonali tagħhom:
Il-Lingwa magħżula: Malti
X'qed tfittex?
21.01.2021 14:02
Il-Parlament japprova aktar flus għal dawk l-aktar fil-bżonn
L-MEP Casa nnegozja żieda fil-fondi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
“Il-pandemija bla preċedent tal-COVID-19 wasslitna biex intejbu l-liġijiet attwali u l-għajnuna finanzjarja għal dawk li l-aktar li ntlaqtu ħażin minn perspettiva medika, kif ukoll minn perspettiva finanzjarja u dik soċjali. Miżura kruċjali hi dik biex tiżdied l-għajnuna għal dawk li l-aktar huma fil-bżonn. Illum, jien sodisfatt li lħaqna l-għan tagħna li nżidu l-flus li ser ikunu disponibbli għal dawk li l-aktar huma fil-bżonn fis-soċjetajiet tagħna.”
Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan wara li l-Plenarja tal-Parlament Ewropew approvat emendi għar-regoli attwali li jsaħħu l-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (il-FEAD) biex japplikaw għall-kriżi li ġabet il-COVID-19. L-MEP Casa nnegozja din il-liġi f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Dan ir-rapport ġie approvat b’649 vot favur, 7 kontra u 31 astensjoni.
Fil-kummenti tiegħu, l-Kwestur Casa, li hu parti mill-Bureau tal-Parlament, qal li “il-lockdowns madwar l-Ewropa għamlu l-ħajja għal ħafna familji diffiċli. Hemm nies tilfu xogħolhom. Oħrajn raw tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom. Biż-żieda fil-fondi li ġiet approvata llum, nistgħu ngħinu lil dawk li l-aktar intlaqtu ħażin mill-pandemija.
Il-FEAD jipprovdi għajnuna lil nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bi flus għax-xiri ta’ affarijiet bażiċi. Il-bidliet fir-regoli attwali tal-FEAD li ġew innegozjati mill-MEP Casa se jagħmluha possibbli għall-Istati Membri biex jaċċessaw fondi li jkunu disponibbli permezz tar-REACT-EU, hekk kif se jiżdied il-perjodu li fih jistgħu jintużaw dawn il-flus biex ikun assigurat li l-użu ta’ dan il-fondi jibqa’ għaddej.
David Casa hu wkoll in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, li hu ragruppament ta’ fondi Ewropej b’valur ta’ madwar €90 biljun li jiffurmaw l-għodda ewlenija tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Bħalissa, l-MEP Casa qed jinnegozja mal-Gvernijiet Ewropej biex jassigura li dawn il-fondi jkunu disponibbli kemm jista’ jkun malajr.
Nota lill-edituri
Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.
Quaestor
David STELLINI
eks impjegat
6 / 50