Il-Kumitat tal-Kriminalità Finanzjarja jsejjaħ għal azzjoni fuq 17 Black

27.02.2019 10:50

Il-Kumitat tal-Kriminalità Finanzjarja jsejjaħ għal azzjoni fuq 17 Black

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Money laundering
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Illum, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa, li l-MEP David Casa hu membru tiegħu, vvota fuq ir-rapport finali.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Il-Kumitat qed jinsisti li gvernijiet nazzjonali jintroduċu liġijiet kontra l-iSLAPP biex jipproteġu lill-ġurnalisti, kif ukoll biex azzjoni konkreta tittieħed ukoll fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, wara s-smigħ ta’ 17 Black, l-MEPs esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni f’Malta u n-nuqqas ta’ azzjoni politika fuq każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu l-politiċi Maltin. Il-Kumitat talab biex l-Emirati Għarab Magħquda jassigura li l-fondi friżati fil-kontijiet bankarji ta’ 17 Black jibqgħu friżati, u enfażizza n-nuqqas ta’ indipendenza kemm tal-FIAU ta’ Malta kif ukoll tal-Kummissarju tal-Pulizija Malti.”

Il-Kumitat innota li meta nqatlet, il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak ta’ informazzjoni li qatt irċeviet - dokumenti mill-Electrogas - u li d-direttur u x-shareholder tal-Electrogas inkixef li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Saret talba wkoll biex jitwaqqaf Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni biex jindirizza d-dubji serji dwar l-indipendenza u l-kwalità tal-investigazzjonijiet fuq 17 Black, bl-appoġġ tal-Europol u l-Eurojust.

David Casa qal: “Hu ta’ tħassib li kien hemm rapporti dwar nuqqas ta’ progress fuq it-talbiet għall-informazzjoni mill-awtoritajiet tal-UAE. Saru mistoqsijiet serji dwar kemm verament l-awtoritajiet Maltin qed jinsistu għall-provi li jimplikaw nies fl-ogħla livelli tal-Gvern fuq korruzzjoni u ħasil tal-flus.”

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kumitat TAX3 kellu smigħ dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ 17 Black.

Ir-rapport jinkludi fih ukoll temi oħra ta’ tassazzjoni li numru ta’ Stati Membri, nkluż Malta, jopponu bil-qawwi. “Jien preżentajt emendi fuq l-abbozz ta’ dan ir-rapport u fil-vot illum, opponejt bil-qawwi dwar klawżoli li jkollhom impatt negattiv fuq is-sistema tat-taxxa ta’ Malta. Jien dejjem iddefendejt is-sistema tat-taxxa ta’ Malta b’mod voċiferu, u hekk se nkompli nagħmel,” qal Casa.  

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat