Il-Ġurnalisti fl-Ukrajna għandhom jiġu protetti

03.03.2022 16:16

Il-Ġurnalisti fl-Ukrajna għandhom jiġu protetti

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

A journalist interviewing a Ukrainian protestor
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Xi wħud jgħidu li l-ewwel vittma tal-gwerra hija l-verità. M’għandniex inħallu dan iseħħ.” L-MEP David Casa, fil-kapaċità tiegħu ta’ Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja tal-Parlament Ewropew, sejjaħ għall-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ukrajna wara li tagħmir tax-xandir ġew milquta mill-forzi Russi.

"Għandna nipproteġu ġurnalisti indipendenti li qegħdin jissograw ħajjithom sabiex iżommu l-popolazzjoni ċivili sigura u l-komunità internazzjonali aġġornata bl-aħħar żviluppi tal-gwerra," żied jgħid.

Casa tkellem wara li ngħaqad mal-Ewroparlamentari tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja li appellaw lill-gvernijiet kollha tal-UE, lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu lill-ġurnalisti li qegħdin fl-Ukrajna.

“Qegħdin naraw immaġini ta’ ġurnalisti jxandru minn xelters, oħrajn li jwasslu aħbarijiet minn postijiet taħt l-art jew inkella ġurnalisti qrib postijiet taħt xita ta’ bombi. Sfortunatament din saret parti mill-ħajja ta’ kuljum.

"Għalhekk, nappellaw lill-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri biex jimmobilizzaw b'mod urġenti u jipprovdu lill-ġurnalisti fuq l-post b'tagħmir protettiv meħtieġ bħal elmi, ġkieket kontra l-balal, pjanċi ta' protezzjoni ballistiċi jew nuċċalijiet ballistiċi," tgħid l-istqarrija.

Il-MPE kkundannaw l-tfigħ ta’missili fuq infrastruttura ċivili, bħalma ġara fil-każ tat-Torri tat-TV ta' Kyiv li safa fil-mira tal-militar b’mod illeġittimu. Dan huwa attakk fuq il-ġurnaliżmu.

Dwar ir-Russja, l-ewroparlamentari kkundannaw l-aġir ta’ Putin li qed jiċċensura l-istampa, inkluż il-projbizzjoni tal-kliem “gwerra”, “attakk” u “invażjoni” fil-kuntest tal-Ukrajna. Ir-regolatur tal-midja Russu sar "il-‘Ministeru tal-Verità’ tal-Kremlin", stqarret l-ittra.

"Id-dritt għall-informazzjoni huwa fundamentali," qal Casa. “Fi żmien fejn id-diżinformazzjoni toħloq theddida għas-sigurtà, il-ġurnalisti indipendenti għandhom rwol vitali. Fl-imgħoddi l-Ewropa wegħdet li tappoġġja lill-istampa ħielsa. Illum aktar minn qatt qabel, u ma tistax tmur lura fuq il-wegħda tagħha stess li tipproteġi lill-ġurnalisti.

“Id-dinja għanda dritt trid tara x’qed jiġri fl-Ukrajna. Kif rajna fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda lbieraħ, ħadd mhu qed jemmen lil Putin. L-evidenza ġejja mill-ġurnalisti li qegħdin fuq il-post u mingħajr dawn il-fatti, qatt mhu ser ikollna ġustizzja,” Casa temm jgħid.

L-istqarrija affermat li "l-aċċess għal din l-informazzjoni huwa fattur vitali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża."

“Is-sigurtà fiżika tal-ġurnalisti li jwasslu rappurtaġġ indipendenti mill-post trid tiġi assigurata mmedjatament. Ġurnalisti u professjonisti fil-qasam tal-midja qed jissograw ħajjithom sabiex iżommu l-popolazzjoni ċivili sigura u lill-komunità internazzjonali aġġornata bl-aħħar żviluppi mit-territorju tal-gwerra.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat