Il-flus tal-UE għandhom jintefqu fejn l-aktar hemm bżonn - David Casa

24.02.2021 14:30

Il-flus tal-UE għandhom jintefqu fejn l-aktar hemm bżonn - David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qed jinsisti li l-flus tal-Unjoni Ewropea għandhom jintefqu fejn l-aktar li hemm bżonnhom, speċjalment fejn jidħlu ż-żgħażagħ u t-tfal. Kien għalhekk li, matul l-aħħar sena u nofs, hu żamm pożizzjoni soda waqt in-negozjati tal-Fond Soċjali Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, b’valur ta’ €90 biljun.

“Jien kburi li minkejja li l-Gvernijiet kellhom veduti differenti, jien assigurajt li jkun hemm allokazzjonijiet adegwati biex jiġu indirizzati l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal f’kull Stat Membru. Dawn l-Istati Membri li għandhom livelli għolja ta’ faqar fost it-tfal se jkunu obbligati li jużaw mill-inqas 5% tal-baġit tal-Fond Soċjali Ewropew biex jindirizzaw il-faqar fost it-tfal, waqt li dawk l-Istati Membri li għandhom livelli baxxi ta’ faqar fost it-tfal ikunu jistgħu jinvestu dawk il-flus f’aspetti oħrajn li hemm bżonn.

Dwar iż-żgħażagħ, l-aktar Stati Membri affetwati ikollhom jużaw minimu ta’ 12.5% tal-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew fuq inizjattivi għaż-żgħażagħ. Imma kull Stat Membru jrid jassigura li jkun hemm biżżejjed flus biex jitwettqu l-Garanzija tat-Tfal u l-Garanzija taż-Żgħażagħ,” qal David Casa, li hu r-Rapporter tal-Parlament Ewropew għall-Fond Soċjali Ewropew.

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-MEP Agius Saliba dwar il-vot li ttieħed ilbieraħ fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, David Casa qal: “Ninsab diżappuntat li nara Membru Malti tal-Parlament Ewropew li qed juri nuqqas ta’ għarfien dwar il-proċess leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew. L-emendi li Agius Saliba żied ismu għalihom, l-ewwel nett huma żbaljati u t-tieni nett, huma insinifikanti. Li kieku dawn l-emendi kien ser ikollhom xi impatt, l-effett tagħhom kien jkun li ma jħallux li dawn l-flus imorru fejn hemm l-iktar bżonn. Agius Saliba jew qed iqarraq jew inkella għadu ma fehemx kif jaħdem il-proċess leġiżlattiv,” qal Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat