Iffirmata f’liġi d-Direttiva ta’ Casa dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

20.06.2019 11:30

Iffirmata f’liġi d-Direttiva ta’ Casa dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Antonio Tajani, President of the EP and David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Illum, id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol ġiet iffirmata f’liġi tal-UE. Issa, l-Istati Membri jdaħħlu din id-direttiva fil-liġijiet tagħhom biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji, tal-ġenituri, tal-ħaddiema u tal-carers. Il-liġi l-ġdida ġiet iffirmata fil-Parlament Ewropew fi Brussell mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, fejn preżenti kien hemm ukoll ir-rapporter tal-Parlament u n-negozjatur ewlieni l-MEP David Casa.

Waqt li kien qed jitkellem wara li l-President Tajani ffirma d-direttiva f’liġi ġdida, l-MEP Casa qal: “L-Istati Membri kollha, nkluż Malta, għandhom jibdew il-proċess biex jintroduċu d-drittijiet inklużi fid-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol. Dawn id-drittijiet għandhom jidħlu fis-seħħ fi żmien 3 snin. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ 10 t’ijiem ta’ leave mħallas għall-missirijiet, xahrejn ta’ leave mħallas għall-ġenituri, 5 t’ijiem ta’ leave fis-sena għall-carers u d-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli. Din il-liġi hi investiment dirett fil-familji kollha tal-UE. Se tassigura li r-responsabbiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa jitqassmu kif suppost, u għalhekk se tonqos id-differenza fix-xogħol, fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.”

L-MEP Casa mexxa n-negozjati għan-nom tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill, biex jassigura li d-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol tirrifletti r-realtaijiet tal-lum u tassigura li d-drittijiet il-ġodda ma jħallux impatt kbir fuq in-negozji, speċjalment l-SMEs. L-MEP Casa rringrazzja lill-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, l-Ħiliet u l-Mobilità tax-Xogħol Marianne Thyssen għall-koperazzjoni tagħha waqt in-negozjati.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'179 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat