Id-Dar tal-Providenza tirbaħ il-Premju Ċittadin Ewropew 2021

08.07.2021 15:03

Id-Dar tal-Providenza tirbaħ il-Premju Ċittadin Ewropew 2021

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Dar tal-Providenza facade
Traduzzjoni
Select language:

Il-Parlament Ewropew ħabbar li d-Dar tal-Providenza rebħet il-Premju Ċittadin Ewropew 2021. Din id-Dar ġiet nominata mill-MEPs Roberta Metsola u David Casa, bħala membri tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, għall-proġett imsejjaħ ‘Monument ta’ Ħniena’ - b’referenza għall-ħidma li twettaq din l-organizzazzjoni biex persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità.

Id-Dar tal-Providenza rebħet il-premju wara li kienet fost numru ta’ finalisti li intgħażlu minn fost diversi nominazzjonijiet li tressqu.

Il-kumitat tal-Premju Ċittadin Ewropew 2021 irrikonoxxa li matul l-aħħar 56 sena, d-Dar tal-Providenza pprovdiet akkomodazzjoni lill-persuni b’diżabiltà li ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom biex ikollhom post fejn jgħixu f’ambjent ta’ familja. Proġett ewlieni li wassal biex id-dar rebħet il-premju kien dak tad-djar fil-komunità, li għandu l-għan biex persuni b’diżabiltà jiġu integrati fil-komunitajiet Maltin minflok jinżammu maqtugħin għalihom - prinċipju li l-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ ħafna biex jiġi prattikat. S’issa, d-Dar tal-Providenza fetħet erbat’ idjar fil-komunità u mistennija tiftaħ il-ħames waħda fil-ġimgħat li ġejjin.

L-ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li din hi “aħbar sabiħa li tfisser li l-ħidma imprezzabli li titwettaq b’tant dedikazzjoni minn Fr Martin Micallef u l-kollegi tiegħu ġiet rikonoxxuta fuq livell Ewropew.” Żiedu li huma kburin li ressqu din in-nomina u awguraw lid-Dar tal-Providenza għar-rebħ dan l-unur prestiġjuż u mistħoqq.

“Id-Dar tal-Providenza hija xhieda tal-aqwa valuri Maltin u Ewropej. Ix-xogħol eċċellenti li jsir f’din id-Dar f’ċirkustanzi ferm diffiċli fost dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna huwa xempju tal-aqwa ideali li toffri l-Ewropa,” qalu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

Iċ-ċerimonja li fiha se jkun qed jingħata l-premju lid-Dar tal-Providenza se tkun organizzata fid-9 ta’ Novembru 2021.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat