Il-Gvernijiet u l-MEPs jappoġġjaw il-Fond Soċjali Ewropew ta’ Casa

04.03.2021 15:42

Il-Gvernijiet u l-MEPs jappoġġjaw il-Fond Soċjali Ewropew ta’ Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
MEP David Casa showing an ok sign to colleagues in the Eruopean Parliament employment and social affairs committe
Traduzzjoni
Select language:

Is-27 Gvern tal-Unjoni Ewropea u l-maġġoranza assoluta tal-Membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) appoġġjaw il-ftehim li laħaq ir-Rapporteur David Casa dwar il-Fond Soċjali Ewropew b’valur ta’ €90 biljun għas-seba’ snin li ġejjin. Dan hu pass importanti li għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ dan l-ammont kbir ta’ flus għal dawk l-aktar fil-bżonn madwar il-kontinent.

F’reazzjoni għal dan l-appoġġ, ir-Rapporteur tal-Parlament David Casa qal: “Hu ta’ sodisfazzjon kbir li l-ftehim li lħaqt mal-Kunsill wara negozjati diffiċli, issa ngħata l-appoġġ mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-kollegi tiegħi fi ħdan il-Kumitat EMPL. Il-bilanċ li lħaqna f’dan il-ftehim kien kruċjali biex wasalna għal dan l-appoġġ. Issa nħares ‘il quddiem biex il-qbil jiġi approvat mill-plenarja tal-Parlament u jidħol fis-seħħ.”

Is-27 Gvern tal-Unjoni Ewropea approvaw il-ftehim li jlaħħaq kważi €90 biljun waqt laqgħa tal-COREPER ilbieraħ, waqt li l-MEPs appoġġjaw il-ftehim permezz ta’ vot fil-Kumitat EMPL illum.

Il-Fond Soċjali Ewropew hu l-għodda ewlenija tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-qgħad, ittejjeb it-taħriġ għall-impjegati, tindirizza l-faqar fost iż-żgħażagħ u t-tfal, dawk l-aktar fil-bżonn, l-inklużjoni soċjali, kif ukoll l-innovazzjoni soċjali. F’Malta, dawn il-flus jintużaw minn numru ta’ entitajiet tal-Gvern, kunsilli lokali u NGOs permezz ta’ skemi varji li ħafna minnhom huma amministrati minn Jobs Plus. Dawn il-flus huma importanti ħafna għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk marbuta mal-impjiegi.

L-aħħar pass, li hu dak finali, hu l-vot li jittieħed mill-Membri kollha tal-Parlament f’waħda mis-sessjonijiet plenarji li jmiss.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'175 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat