Roberta Metsola: "Eskludu lil Malta mill-klawżoli kontroversjali tal-Pakkett ta' Mobilità"

18.02.2020 16:42

Roberta Metsola: "Eskludu lil Malta mill-klawżoli kontroversjali tal-Pakkett ta' Mobilità"

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
MEP Roberta Metsola
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex, Roberta Metsola, qed taħdem biex Malta tiġi eskluża minn klawżola kontroversjali fil-pakkett ta' mobilità tal-UE, liema pakkett ikun ifisser żieda fl-ispiża għall-operaturi Maltin ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq.

Skont it-test kif emendat wara l-ewwel serje ta' negozjati, il-kumpaniji ta' trasport ser ikunu marbuta li jġiegħlu lis-sewwieqa tagħhom jgħaddu l-mistrieħ tagħhom "fl-istabbiliment ta' min iħaddem jew fil-post tar-residenza tax-xufiera". Il-perijodu ta’ mistrieħ stabbilit hu ta’ 45 siegħa kull tlieta sa erba' ġimgħat konsekuttivi.

It-trakkijiet ikollhom ukoll jirritornaw fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija kull tmien ġimgħat, f'miżura maħsuba biex tipprevjeni lill-kumpaniji ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq milli jippruvaw jirreġistraw f'pajjiżi oħra tal-UE biex jieħdu vantaġġ minn taxxi aktar baxxi. Għal kumpaniji Maltin, dan ifisser vjaġġi żejda lejn Malta.

"Għall-kuntest Malti, bħala gżira nazzjon - bħal Ċipru - ir-regoli ma jagħmlux sens u ser ipoġġu piż sproporzjonat fuq in-negozji lokali. Dawn il-miżuri se jħallu spiża kbira u indirettament jiffavorixxu lil dawk il-kumpaniji bbażati barra l-ġurisdizzjonijiet tal-gżejjer.

Hemm konsiderazzjonijiet ambjentali wkoll li wieħed irid iqis. Il-ħtieġa li r-ritorn ta' vetturi tqal lejn l-Istat Membru ta' stabbiliment kull tmien ġimgħat, tikkontradixxi kemm l-iskop tal-proposti leġislattivi inizjali tal-Kummissjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-effetti ambjentali negattivi, kif ukoll l-għanijiet politiċi dwar il-bdil fil-klima tal-UE li huma stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn il-miżuri ifissru żieda notevoli fl-għadd ta' vieġi vojta fit-toroq Ewropej li sussegwentement jirriżultaw f'żieda sostanzjali fl-emissjonijiet tas-CO2, tniġġis u konġestjoni mis-settur tat-trasport.

"Dak li rrid hu li nara lil Malta u Ċipru esklużi speċifikament minn dawn il-klawsoli billi tiġi meqjusa l-insularità ġeografika tagħna. M’aħniex tard wisq u mhux impossibbli. Dan il-pakkett huwa mistenni li jasal għall-vot f'Ġunju li ġej u fadal żmien biex inressqu emendi f’dan is-sens,"qalet il-MPE Metsola, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew.

"Din hija kwistjoni li rridu naħdmu fuqha ma xuxlin, bejn iż-żewġ partiti, u flimkien mad-diplomatiċi Maltin. Se niltaqa’ ma’ kumpaniji milquta ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq fil-jiem li ġejjin f’Malta. Irridu naħdmu flimkien biex insibu soluzzjonijiet aħħarija,” qalet il-MPE Metsola

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat