
L-Ewropa għandha bżonn tqum minn hemm!
Filwaqt li kienu prinċipalment l-iżviluppi kulturali u politiċi li biddlu d-dinja fis-snin tmenin u fis-snin disgħin, huma l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li huma l-ixprun tal-iżviluppi soċjali, politiċi u ekonomiċi tremendi tal-lum. Meta nħarsu lejn it-titjibiet teknoloġiċi fl-Istati Uniti tal-Amerka, fl-Asja u f'parti mil-Lvant Nofsani, l-Ewropa għandha bżonn taċċelera, tlaħħaq, u ġġedded l-ambizzjonijiet tagħha biex issawwar id-dinja diġitali għax hija l-politika tal-innovazzjoni li se tiddeċiedi kif se nkunu nistgħu niżguraw l-istil ta' ħajja Ewropew tagħna fil-ġejjieni.
L-Ewropa għandha vantaġġ ewlieni meta niġu għall-innovazzjoni
Bis-saħħa tal-valuri tagħna, l-Ewropa se jirnexxilha tgawdi suċċess u vantaġġ fil-mewġa li jmiss tal-innovazzjoni. L-istabilità politika tagħna u l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna huma assi siewja u jqegħduna f'vantaġġ kompetittiv uniku biex inkunu fuq ta' quddiem nett tal-perjodu li ġej tat-trasformazzjoni diġitali. Il-kontinent tagħna issa għandu l-opportunità unika li jsawwar l-mewġa li jmiss tar-revoluzzjoni diġitali: Fis-snin li ġejjin, teknoloġiji ġodda se jittrasformaw b'mod fundamentali l-industriji tradizzjonali u jidħlu fil-ħajja ta' kuljum ta' kulħadd, lil hinn sew minn sempliċement drawwiet ta' komunikazzjoni. Il-mewġa diġitali li jmiss ma tikkonċernax biss il-ħiliet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u mudelli ġodda ta' negozju. Is-suċċess tagħha se jkun jiddependi minn kemm aħna kapaċi nifhmu kif nimplimentaw l-innovazzjoni fil-ħajja ta' kuljum. L-Ewropa hija l-aktar waħda adattata biex twieġeb għal din l-isfida, għax l-istil ta' ħajja Ewropew tagħna tagħmel id-differenza, bil-valuri, l-ekonomija soċjali tas-suq, il-kapaċitajiet kreattivi u l-istabilità politika tal-Ewropa, iżda wkoll bl-industriji, il-kapaċità ta' riċerka, is-sistemi edukattivi u s-saħħa tal-konsumatur tagħha.
L-istil ta' ħajja Ewropew se jsawwar l-era diġitali
L-innovazzjoni dejjem kienet fil-qalba tad-DNA Ewropew: għandna bżonn li l-Ewropej jerġgħu jibdew joħolmu b'Ewropa li tixpruna l-innovazzjoni fid-dinja. Il-prosperità tas-soċjetajiet Ewropej tagħna kif ukoll is-sigurtà soċjali tagħna fil-ġejjieni jiddependu fil-biċċa l-kbira mill-innovazzjoni.
L-Ewropa għandha bżonn terġa' tiftaħ aptitha għall-innovazzjoni: għandna miljuni ta' negozji ġodda, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, industriji, intraprendituri żgħażagħ, riċerkaturi u studenti li lesti jaqdu rwol, jekk nistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-inċentivi t-tajba biex huma jiżviluppaw u jibqgħu fl-Ewropa.
L-Ewropa tista' toħloq l-ambjent innovattiv it-tajjeb, wieħed xprunat mill-valuri tagħna u mhux immexxi mill-ġganti tat-teknoloġija jew minn setgħat awtoritarji, għax il-manjiera Ewropea hija waħda bilanċjata. U minħabba li l-manjiera Ewropea hija wkoll waħda ġusta, jeħtieġ li neliminaw id-distakk li jeżisti bejn ir-reġjuni avvanzati u dawk li għadhom qed ilaħħqu magħhom.
L-Ewropa tisma' l-biżgħat u t-tħassib taċ-ċittadini u tirrispondi għalihom: L-innovazzjoni ma tikkonċernax biss lin-negozju. Il-politika għandha r-responsabilità li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet it-tajba ħalli s-soċjetaljiet ikunu jistgħu jaċċettaw l-innovazzjoni, iżda trid ukoll tantiċipa u tikkontrobilanċa l-impatt tagħha fuq iċ-ċittadini u s-soċjetajiet.
Jeħtieġ li nsawru Unjoni tal-Innovazzjoni fl-Ewropa kollha li (1) ittejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, (2) tħejji liċ-ċittadini tagħna, lill-industriji tagħna u lill-akkademiċi tagħna għall-mewġa li jmiss tal-innovazzjoni, (3) tiggarantixxi li kulħadd ikollu aċċess għal opportunitajiet diġitali għal ħajjithom proprja, (4) tgawdi minn finanzjament ambizzjuż.
(1) Aħna nemmnu li l-innovazzjoni tista' ttejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna
- Sabiex l-innovazzjoni tingħata spinta hemm il-ħtieġa li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini f'ċiberspazju sikur;
- Il-ħolqien ta' ċetri ta' riċerka ġodda taċ-ċibersigurtà tal-UE;
- L-iżgurar ta' aġġornament kostanti ta' standards b'saħħithom biex tiġi żgurata l-infrastruttura kritika (impjanti tal-enerġija, impjanti tal-ilma) permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà);
- Il-ħolqien ta' brigata ċibernetika tal-UE biex turi li aħna mgħammra biex niddefendu lilna nfusna abbażi tal-għarfien espert tagħna.
- Li l-innovazzjoni tingħata spinta jfisser offensiva ġdida fis-setturi ewlenin biex tinbena ekonomija xprunata mid-data u tinħoloq l-"Airbus" li jmiss:
- Għas-saħħa (eż. proġetti għall-fejqan tal-kanċer / Alzheimers) - nieħdu l-inizzjattiva dwar l-Intelligenza Artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku ("laboratorji" tal-UE ġodda), kura tas-saħħa personalizzata permezz tal-applikazzjonijiet tal-Big Data bis-salvagwardji xierqa kollha tas-sigurtà tad-data;
- Għall-mobilità - sistemi ta' trasport intelli[enti kooperattivi (STI-K) b'toroq intelliġenti u intermodalità u konnettività mtejba, sewqan awtonomu u semiawtonomu, livell akbar ta' vetturi bl-elettriku u alternattivi oħra b'livell baxx ta' emissjonijiet bħalma huma ċ-ċelloli tal-fjuwil;
- Għall-akkomodazzjoni - arkitettura diġitali biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, djar konnessi biex tiġi ffrankata l-enerġija, ippjanar urban biex it-traffiku jiġi regolat u biex jiġi antiċipat l-iżvilupp tal-kwartieri, promozzjoni tal-kunċett ta' bliet intelliġenti u rħula intelliġenti;
- Għall-istrateġija spazjali - twissija bikrija tad-diżastri naturali; Immappjar bis-satellita tan-nixfiet, il-kwalità tal-ħamrija u tat-tibdil tal-użu tal-art madwar id-dinja; operazzjonijiet ta’ salvataġġ; immappjar tan-nirien; navigazzjoni tal-karozzi; il-kontrolli fil-fruntieri; il-komunikazzjoni;
- Għall-enerġija: L-użu ta' teknoloġiji ta' enerġija nadifa biex jintlaħqu l-għanijiet li jirrigwardaw il-klima u l-enerġija, eż. bijogass ekoloġiku innovattiv mill-ipproċessar tad-demel.
- Li tingħata spinta lill-innovazzjoni jfisser ukoll li jiġu mġedda dawk is-setturi li huma essenzjali għall-kwalità tal-ħajja tagħna:
- Għall-produzzjoni agrikola: L-użu tar-robotika, teknoloġija ta' preċiżjoni u teknoloġija ta' mmappjar biex jiġi limitat l-użu tal-pestiċidi; Big Data biex jiġu mmonitorjati u identifikati l-mard tal-annimali, l-użu tal-fertilizzanti u d-defiċjenzi tal-pjanti; L-introduzzjoni tal-aċċess għall-internet bil-broadband fiż-żoni rurali, ipproċessar innovattiv tad-demel biex jiġu prodotti konċentrati minerali ta' kwalità għolja bħala sostituzzjoni sostenibbli għall-fertilizzanti minerali;
- Għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar: telexogħol, mobilità tax-xogħol;
- Għal aċċess intelliġenti għas-servizzi mid-dar: telemediċina, saħħa elettronika;
- Għal aktar opportunitajiet biex iċ-ċittadini b'diżabilità jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw fis-soċjetà.
- Li tingħata spinta lill-innovazzjoni jfisser protezzjoni aħjar tad-diversità kulturali Ewropea tagħna u tal-identità kreattiva tagħna;
- L-insistenza li jkun hemm "Netflix" Ewropew;
- Il-ħolqien ta' Librerija Diġitali Ewropea;
- L-investiment fl-Industriji Kulturali u Kreattivi (IKK) fl-Ewropa u r-rilaxx tal-potenzjal mhux rikonoxxut tad-diġitalizzazzjoni fl-IKK.
(2) Aħna rridu nħejju lill-Ewropa għall-mewġa li jmiss tal-innovazzjoni
- Nistabbilixxu l-qafas adegwat - għax aħna suq ta' 500 miljun konsumatur, nistgħu nimponu r-regoli tagħna, il-valuri tagħna u l-istandards tagħna:
- Approfondiment tas-Suq Uniku Diġitali biex tintemm il-frammentazzjoni u jinħoloq suq tal-ogħla livell;
- Pjattaforma Ewropea tad-Data Miftuħa u fluss liberu tad-data fl-UE kollha mingħajr limitu għall-kumpaniji kbar u għan-negozji ġodda;
- Cloud tax-Xjenza u Pjattaforma tad-Data Miftuħa Ewropea;
- Privatezza u sigurtà tad-data biex tinbena l-fiduċja fl-ekosistema diġitali;
- Offensiva ta' diġitalizzazzjoni għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
- Titjib tal-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-investimenti intelliġenti;
- Faċilitar tat-tranżizzjoni mil-laboratorju għas-suq - wisq spiss l-innovazzjonijiet isiru iżda ma jkunux jistgħu jinbiegħu;
- Promozzjoni tal-Premju Belt Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni u tal-Premju Ewropew tan-Nisa Innovatriċi;
- Promozzjoni tal-Premji StartUp Europe fl-innovazzjoni.
- Li jiġi ggarantit l-aċċess għat-teknoloġija u li tiġi pprovduta l-infrastruttura adegwata se jkunu essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni tal-UE:
- L-Ewropa jeħtieġ li taħtaf l-opportunitajiet tal-"internet tal-oġġetti", tal-Big Data, tal-katina ta' blokok ta' transazzjonijiet u tal-applikazzjonijiet tas-softwer;
- It-tiġdid u t-titjib ta' Orizzont 2020 abbażi ta' regoli ġodda u l-valur tal-ideat, biex jinħoloq proċess sempliċi u ġust;
- L-Istati Membri għandhom jilħqu l-mira tagħhom ta' 3 % tal-PDG għar-riċerka u l-innovazzjoni;
- Għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020, il-metodoloġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti għandha ssir il-mudell awtomatiku stabbilit;
- Pjan ta' Investiment 4.0 (segwitu tal-Pjan Juncker);
- L-iżvilupp ta' Teknoloġiji tal-Lingwi Umani, u l-aċċess għalihom, li jippermettu Suq Uniku Diġitali Plurilingwi;
- Il-WiFi4EU, netwerks tal-broadband b'veloċità kbira, identifikazzjoni tal-ispettri, żvilupp tat-teknoloġiji tal-quantum u l-5G;
- Superkompjuters u Infrastruttura elettronika f'kull reġjun (eż. l-estrazzjoni tad-data);
- Stabbiliment ta' netwerk Ewropew tan-negozji ġodda - "Erasmus 4.0";
- Inkoraġġiment tal-kontinwazzjoni u tal-applikazzjoni aktar wiesgħa tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (eż. l-Inizjattiva Vanguard) għar-reġjuni u tal-kontinwazzjoni tas-Sħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni dwar il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti;
- Tlaqqigħ tal-ħiliet adegwati mal-opportunitajiet it-tajba - biex nerġgħu niġbdu lura t-TALENT tagħna:
- Tagħlim u litteriżmu diġitali minn età bikrija sal-università, inkluż għal kwalunkwe taħriġ vokazzjonali;
- Stabbiliment ta' "Kampijiet Diġitali tas-Sajf" sponsorjati mill-kumpaniji;
- Università Ewropea għall-innovazzjoni; tisħiħ tan-netwerks tal-innovaturi u l-intraprendituri żgħażagħ, eż. permezz tal-komunitajiet tal-għarfien u tal-innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT);
- Koordinament ta' programmi konġunti ta' gradi ta' Masters u ta' riċerka postdottorali, Erasmus diġitali ta' wara l-kisba ta' grad universitarju;
- Grupp ta' Riflessjoni dwar l-Internet ("EUI 4.0");
- Akkademja Ewropea tal-Għarfien u l-Innovazzjoni - pjattaformi ta' riċerka fil-qasam tal-kompetenzi diġitali;
- Stimular tax-"Xjenza taċ-Ċittadini";
- Integrazzjoni tat-teknoloġija fit-taħriġ tal-bdiewa żgħażagħ biex l-innovazzjoni tiġi avvanzata 'l quddiem.
- Ħolqien ta' ekonomija soċjali tas-suq diġitali:
- L-innovazzjoni toffri wkoll opportunitajiet ġodda ta' impjiegi - għandna bżonn ninkoraġġixxu mudelli ġodda ta' negozju li joħolqu impjiegi ġodda filwaqt li fl-ekonomija diġitali jibqgħu jinżammu l-istandards soċjali;
- Ftehimiet ta' kummerċ ġusti biex il-ħaddiema tagħna jiġu mħarsa mid-dumping inġust;
- Taħriġ professjonali tul il-ħajja biex il-ħiliet tan-nies jiġu aġġustati aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol;
- Żvilupp ta' mudelli ġodda ta' kundizzjonijiet tax-xogħol li jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-era diġitali;
- Qafas ġdid għall-pjattaformi diġitali li jiżguraw li l-prattiki kummerċjali żleali li huma projbiti fl-isfera analoga jiġu projbiti wkoll fl-era diġitali.
(3) Aħna rridu li kull ċittadin ikun parti mill-Unjoni ta' Innovazzjoni
- Id-demokrazija elettronika parteċipattiva (konsultazzjonijiet, parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, eċċ.);
- L-ivvutar diġitali għall-elezzjonijiet Ewropej (fażi ta' prova fl-2019);
- Amministrazzjoni li ma tużax karti (il-mudell Estonjan);
- It-tnaqqis tal-burokrazija bi 30 % billi jiġu simplifikati l-proċeduri u jiġu eliminati r-regolamenti li jistgħu jiġu sostitwiti b'simulazzjoni virtwali;
- Il-komunikazzjoni tal-valur miżjud tal-proġetti tal-UE (eż. "Ħalli l-Istilel Jiddu" ("Let the Stars Shine")).
(4) Aħna rridu l-ambizzjonijiet tagħna riflessi finanzjarjament
- L-innovazzjoni trid tkun fost l-ogħla prijoritajiet tagħna fil-QFP li jmiss (wara l-2020) u trid tkun element ewlieni fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, inklużi r-riżultati għad-Disa' Programm Qafas (9PQ) u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) futuri:
- EUR 120 biljun għandhom ikunu dedikati lir-riċerka u l-innovazzjoni mid-9PQ, appoġġjati b'EUR 46 miljun mill-ipprogrammar ta' konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni;
- Ir-regoli u l-proċeduri biex isir użu mill-finanzjament tal-UE għandhom jiġu simplifikati u aħna għandna nkunu innovattivi fl-implimentazzjoni tal-baġit biex tiġi evitata l-burokrazija;
- Għandhom jinħolqu sinerġiji bejn il-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-fondi strutturali, il-FSIE u strumenti finanzjarji oħra.
- Aħna għandna nipprijoritizzaw l-appoġġ finanzjarju tagħna, billi nagħtuh lill-aqwa proġetti b'valur miżjud Ewropew reali u li ma jistgħux jiġu ttrattati fil-livell nazzjonali jew reġjonali.
- Ir-regoli dwar il-fondi strutturali tal-UE għandhom jippermettu kooperazzjoni interreġjonali ikbar dwar l-innovazzjoni.
- Il-programmi ta' finanzjament u l-istrumenti differenti għandhom jiġu allinjati biex jingħeleb il-"Wied tal-Mewt".
- Il-Ġganti tat-Teknoloġija għandhom jikkontribwixxu għal din il-mewġa tal-innovazzjoni billi jħallsu taxxa ġdida sabiex ikollhom aċċess għas-Suq Uniku Diġitali tal-UE.
- Is-settur privat għandu jisponsorja proġetti li għandhom impatt soċjalment responsabbli, bħalma huma kampijiet diġitali, tagħlim diġitali tul il-ħajja, litteriżmu diġitali, integrazzjoni diġitali, eċċ.
- In-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom jiġu ffaċilitati fl-aċċess tagħhom għall-kapital ta' riskju u għas-selfiet.
Dak li nemmnu
