POLITIKI SPAZJALI GĦAT-TKABBIR, IT-TRANŻIZZJONI EKONOMIKA U S-SIGURTÀ FL-EWROPA

07.10.2022

POLITIKI SPAZJALI GĦAT-TKABBIR, IT-TRANŻIZZJONI EKONOMIKA U S-SIGURTÀ FL-EWROPA

Traduzzjoni
Dan il-kontenut hu disponibbli wkoll bil-: Maltese

Il-viżjoni tagħna

Il-Grupp PPE jistinka biex iżomm l-Ewropa potenza spazjali internazzjonali u biex jestendi dan ir-rwol. Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha żżid il-kapaċità tagħha li tiżgura s-sigurtà fuq livell intern u internazzjonali, billi tiggarantixxi l-istabbiltà fil-viċinat tagħha u fid-dinja. Nemmnu li l-politika spazjali tal-UE għandha importanza dejjem akbar billi l-azzjonijiet juru b'mod ferm konkret il-kontribut għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, ħaġa li l-ebda Stat Membru ma seta' jagħmel waħdu.

Il-Grupp PPE jrid jagħmel il-politika spazjali tal-UE strument importanti għat-tkabbir ekonomiku u jżid l-involviment tas-settur privat fl-ekonomija spazjali. Nemmnu li l-SMEs u s-settur tal-ispazju l-ġdid jistgħu jibbenefikaw b'mod ċar minn inċentivi ġodda u minn qafas leġiżlattiv ċar, b'tali mod li jgħin biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tagħna.
 

In-neċessità ta' attività spazjali

L-attivitajiet spazjali tal-Unjoni Ewropea jfornu informazzjoni u servizzi essenzjali li jsostnu l-politiki prinċipali tagħna fosthom dawk dwar il-klima, is-sigurtà u s-salvataġġ, it-trasport, il-komunikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, iżda wkoll ir-reżiljenza tal-UE.

Is-settur spazjali b'hekk huwa attività ekonomika importanti li tirrappreżenta aktar minn 230 000 impjieg fl-Unjoni, toħloq direttament valur ta' bejn EUR 53 u 62 biljun għall-ekonomija u tħalli indirettament impatt f'aktar minn 10 % tal-PDG tal-UE1. Bħala tali, l-ekonomija spazjali Ewropea hija t-tieni l-akbar fid-dinja u tikkostitwixxi settur li jimpjega persunal ferm ikkwalifikat, u li fih ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol ċentrali. It-teknoloġija spazjali tikkontribwixxi wkoll għall-attivitajiet R&Ż fid-diversi setturi u għall-esplorazzjoni tal-univers.
 

L-Ewropa – potenza spazjali dinjija

Is-suċċess attwali tal-ekonomija spazjali Ewropea jiddependi mill-Programm Spazjali Ewropew, li tmexxih il-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) u, f'ħafna każijiet, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), ta' natura intergovernattiva, u mal-Istati Membri.

Bis-saħħa tal-kostellazzjoni ta' satelliti, il-programm Ewropew għall-osservazzjoni tad-dinja, Copernicus, iforni servizzi għall-monitoraġġ ambjentali, tal-ajru, tal-art u marittimu biex jagħtu appoġġ lil ċerti oqsma bħall-agrikoltura ta' preċiżjoni u l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ.

Il-programm Galileo, li huwa s-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) tal-Ewropa, iforni s-servizz ta' navigazzjoni u ta' pożizzjonament l-aktar preċiż fid-dinja. Is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja (EGNOS) tagħti informazzjoni mtejba f'dawk li huma ħin u pożizzjonament; pereżempju biex jintużaw ħalli jiffaċilitaw l-inżul tal-ajruplani fl-ajruporti Ewropej.

Is-servizz tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) jintuża mill-UE biex tirreaġixxi għal theddid speċifiku, u jagħti appoġġ lill-istrateġija marittima tal-UE u lill-politika tal-UE dwar l-Artiku.

Is-Sensibilizzazzjoni tas-Sorveljanza Spazjali (SSA) timmira li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, traċċar u identifikazzjoni tal-oġġetti u tal-iskart spazjali. L-SSA tinkludi tliet sottokomponenti relatati mas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju tal-oġġetti spazjali (SST), mal-fenomeni tat-temp spazjali (SWE) u mal-oġġetti qrib id-Dinja (NEO).

Il-baġit totali tal-Programm Spazjali tal-UE għall-perjodu 2021-2027 huwa l-akbar baġit li qatt ġie adottat fil-livell tal-UE għas-settur tal-ispazju, jiġifieri EUR 14.4-il biljun, li jirrappreżenta żieda kbira meta mqabbla mal-baġits għall-perjodi 2014-2021 (EUR 11-il biljun) u 2007-2013 (EUR 5 biljun biss). Madankollu, il-baġit spazjali tal-UE għadu mhuwiex biżżejjed meta mqabbel mal-baġits tal-kompetituri dinjin tagħna: l-Istati Uniti jallokaw baġit ta' USD 24 biljun lin-NASA għas-sena 2022 biss!
 

Sfidi attwali


Prijoritajiet tal-Grupp PPE
 

  • L-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-aċċess awtonomu tagħha għall-ispazju, speċjalment fil-qasam tal-lanċjaturi spazjali, wara li r-Russja, minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna, irtirat miċ-Ċentru Spazjali tal-Guyana Franċiża f'Kourou.
  • Hemm bżonn fondi addizzjonali biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' baġit ikkawżat mill-Brexit.


L-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja wriet il-bżonn li tittieħed azzjoni malajr biex jissaħħaħ l-aċċess awtonomu tal-UE għall-ispazju u l-katina tal-provvista tagħha, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE. L-UE jeħtiġilha tiżgura l-awtonomija strateġika tagħha u ma tkunx tiddependi minn pajjiżi terzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-oqsma strateġiċi (pereżempju, il-lanċjaturi spazjali), iżda jeħtiġilha sserraħ fuq il-ktajjen tal-valur strateġiċi tagħha fil-qafas tal-programmi emblematiċi.

Il-gwerra tar-Russja diġà ħalliet impatt sinifikanti fuq il-politika spazjali Ewropea, it-titjiriet spazjali u l-attivitajiet ta' esplorazzjoni. L-aġenzija spazjali Russa, Roscosmos, ħabbret l-irtirar tagħha miċ-Ċentru Spazjali tal-Guyana Franċiża f'Kourou. Jenħtieġ li l-UE teżamina alternattivi oħra fil-qasam tal-portijiet spazjali.

Peress li r-Russja għanda nuqqas tal-kapaċitajiet ta' llanċjar, għall-UE sar urġenti li tkompli l-isforzi tagħha biex tilħaq awtonomija akbar fil-qasam tal-illanċjar ta' satelliti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tar-Russja la għandha konsegwenzi fuq il-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi Galileo u Copernicus u lanqas ma tpoġġi f'riskju t-tkomplija tal-iżvilupp ta' dawn l-infrastrutturi.

Il-finanzjament tar-Renju Unit maqbul wara l-Brexit u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm ta' riċerka "Orizzont Ewropa", huma t-tnejn li huma mblukkati minħabba t-tilwima rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq. Bejn il-Kummissjoni u l-ESA ntlaħaq ftehim biex jindirizza n-nuqqas ta' baġit u jiggarantixxi l-kontinwità, l-integrità u l-evoluzzjoni ta' Copernicus. It-tkomplija tat-totalità tal-attivitajiet previsti, b'ritmu kostanti, tirrikjedi baġit akbar minn dak disponibbli bħalissa.

 

Il-futur

Komunikazzjoni sigura, ġestjoni tat-traffiku spazjali, awtonomija strateġika, difiża


Prijoritajiet tal-Grupp PPE
 

  • L-UE jeħtiġilha tintensifika l-programm tal-illanċjar ta' satelliti jekk trid iżżomm il-pożizzjoni tagħha bħala potenza spazjali dinjija. Hemm bżonn fondi ġodda għall-baġit tal-UE għall-Programm għall-Konnettività Sigura 2023-2027.
  • Naċċettaw l-użu kemm ċivili, kif ukoll militari tar-riżorsi spazjali tagħna u nirrikonoxxu li jeżistu sinerġiji ċari fil-qasam tar-riċerka u żvilupp. Jeħtiġilna nisfruttaw kemm nistgħu l-użu tal-ekosistema tal-industrija spazjali u tad-difiża.
  • Hemm bżonn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO fil-qafas tal-Programm Spazjali tal-UE, b'mod partikolari f'dawk li huma l-protezzjoni tal-kapaċitajiet spazjali u tas-servizzi għal skopijiet ta' sigurtà u difiża. Nilqgħu pożittivament id-dimensjoni spazjali fil-Boxxla Strateġika Ewropea adottata dan l-aħħar.


Il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala t-tieni l-akbar potenza spazjali tad-dinja tista' ma tinżammx, speċjalment jekk dak li jkun iqis l-isfidi bħall-qawmien ta' nazzjonijiet spazjali bħaċ-Ċina u l-Indja, jew l-involviment akbar tal-kumpaniji privati tal-Istati Uniti, bħal SpaceX, Blue Origin u Virgin Galactic.

Il-kompetizzjoni lanqas ma naqset f'dak li għandu x'jaqsam mal-illanċjar u mat-tħaddim ta' satelliti. Kważi 12 000 satellita diġà tqiegħdu fl-orbita minn 6 000 lanċjatur, u magħhom, fis-snin li ġejjin, se jiżdiedu 20 000 satellita oħra, li joffru firxa wiesgħa ta' servizzi privati mill-ispazju, bħas-servizzi ta' navigazzjoni, ta' kartografija, internet, eċċ.

L-Unjoni se jkollha wkoll tintensifika l-programmi tagħha tal-illanċjar ta' satelliti, u l-pubblikazzjoni tal-Programm għall-Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 huwa pass ġdid f'din id-direzzjoni; it-tħabbira ta' dan il-programm ta' EUR 6 biljun (li minnhom EUR 2.4 biljun mill-baġit tal-UE) titqies fil-fatt bħala waħda ferm pożittiva. Skont il-pjanijiet, il-kostellazzjoni ta' satelliti Ewropej il-ġdida se tiżgura d-disponibbiltà ta' aċċess, fil-livell dinji, għas-servizzi siguri ta' komunikazzjoni bis-satellita għall-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi tagħna, tas-sorveljanza, tal-appoġġ għall-azzjonijiet esterni u ta' offerta ta' konnessjoni rapida u affidabbli għaċ-ċittadini u għall-impriżi permezz tas-settur privat.

Ikun vantaġġ kbir jekk jinħolqu riżorsi ġodda u għandha tiġi vvalutata b'attenzjoni s-sovrapożizzjoni ma' servizzi eżistenti, bil-għan li dan il-programm il-ġdid ikun ta' suċċess.

It-teknoloġija ta' komunikazzjoni kwantistika, għall-ewwel żviluppata fil-qafas tal-inizjattiva EuroQCI, għandha tkun parti mill-Programm għall-Konnettività Sigura bil-għan li jingħata livell imsaħħaħ ta' sigurtà tas-sistemi tagħna ta' komunikazzjoni bis-satellita.

Fl-istess ħin, il-problema tal-konġestjoni dejjem akbar fl-ispazju u tal-aktar minn miljun biċċa ta' skart spazjali, li jirriżulta minn satelliti użati joħolqu riskju għall-operazzjonijiet tagħna tal-illanċjar ta' satelliti, għar-riżorsi spazjali tagħna u, mhux l-inqas, għall-astronawti tagħna li bħalissa jinsabu fl-ispazju. Huwa ċar li l-ġestjoni tat-traffiku spazjali u t-tindif potenzjali tal-iskart spazjali saru kwistjoni urġenti għall-Ewropa u għad-dinja kollha kemm hi.

Is-settur spazjali għandu wkoll jitqies bħala mudell f'termini ta' awtonomija strateġika meta niġu biex nerġgħu nikkunsidraw oqsma politiċi oħra, bħas-settur tal-enerġija. Dan ifisser attenzjoni partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħna stess u għall-aċċelerazzjoni tal-iżvilupp tas-sistemi tagħna tal-illanċjar Vega-C u Ariane 6, kif ukoll bħala appoġġ għas-sħab il-ġodda li jiżviluppaw lanċjaturi iżgħar/mikrolanċjaturi b'kost inqas fl-UE.

Il-politika spazjali u l-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali huma, bir-raġun, dejjem aktar interkonnessi mal-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà u difiża. Il-ħolqien ta' Kmand tad-Difiża Spazjali tal-UE huwa żvilupp loġiku u neċessarju għall-protezzjoni tar-riżorsi spazjali tagħna. Il-koeżistenza tal-użu ċivili u dak militari hija evidenti f'dak li għandu x'jaqsam mad-data u mas-servizzi fornuti minn Galileo, sistema li tippreżenta b'mod ċar karatteristiċi ta' użu doppju. Għandna naċċettaw l-użu ċivili kif ukoll dak militari tar-riżorsi spazjali tagħna u nirrikonoxxu li hemm sinerġiji ċari x'jiġu sfruttati fil-qasam tar-riċerka u żvilupp; b'mod partikolari, loġikament, permezz tal-ekosistema tal-industrija spazjali u tad-difiża, definita fl-Istrateġija Industrijali l-ġdida tal-UE u fil-Pjan ta' Azzjoni għas-Sinerġiji bejn id-Difiża Ċivili u l-Industriji Spazjali. 

Bil-għan li tiġi żgurata konnettività sigura, għandna nevitaw l-istess sitwazzjoni li kellna fl-Ukrajna, jiġifieri li l-kumpaniji privati ta' pajjiżi terzi koprew ċerti servizzi governattivi. L-Ewropa għandna tkun fuq quddiem nett fil-politika spazjali dinjija.

Minħabba ħafna theddid għas-sigurtà tagħna, fil-futur hemm bżonn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO fil-qafas tal-Programm Spazjali tal-UE, b'mod partikolari f'dawk li huma l-protezzjoni tal-kapaċitajiet spazjali u tas-servizzi għal skopijiet ta' sigurtà u difiża kontra l-attakki ċibernetiċi, it-theddid fiżiku, l-iskart jew l-indħil dannuż ieħor. Għaldaqstant, nilqgħu pożittivament id-dimensjoni spazjali fil-Boxxla Strateġika Ewropea adottata dan l-aħħar. Minkejja li tikkollabora mal-alleati tagħha, l-UE għad trid tkun awtonoma meta dan ikun neċessarju, tiżgura r-reżiljenza tar-riżorsi spazjali u tal-art, tal-ktajjen tal-provvista, l-aċċess għall-materja prima u għat-teknoloġiji kritiċi, kif ukoll id-disponibbiltà tas-servizzi spazjali.
 

Involviment tas-settur privat

Riċerka u innovazzjoni, negozji ġodda, SMEs, spazju ġdid


Prijoritajiet tal-Grupp PPE
 

  • Qafas regolatorju ċar ta' appoġġ għall-involviment tas-settur privat fl-ekonomija spazjali – speċjalment għall-SMEs u għall-atturi tal-qasam tal-ispazju l-ġdid.
  • Is-sovranità tad-data hija fundamentali għall-UE. Għandna niżviluppaw il-potenzjal importanti ta' ħafna atturi tal-UE li jikkontribwixxu għal dan l-għan billi jingħataw soluzzjonijiet ta' data, mikrolanċjaturi, satelliti u innovazzjonijiet teknoloġiċi mill-aktar avvanzati.


Il-wirt tal-involviment pubbliku u tal-kumpaniji l-kbar tas-settur spazjali u tad-difiża huwa evidenti fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-isfruttament tas-settur spazjali upstream (lanċjaturi, manifatturi prinċipali ta' satelliti ajruspazjali), midstream (operaturi tas-satelliti) u downstream (żvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet permezz tad-data miġbura mis-satelliti u mit-teknoloġiji spazjali). L-innovaturi tal-ispazju l-ġdid jiżvolġu wkoll rwol dejjem aktar importanti.

Ħafna aktar kumpaniji privati, negozji ġodda u impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) huma attivi fis-settur hekk imsejjaħ "ICT u diġitali" u jikkostitwixxu l-ekosistema tal-ispazju l-ġdid. Madankollu, is-sitwazzjoni qed tinbidel mingħajr qafas regolatorju ċar.   

Il-politika spazjali għandha tiżvolġi rwol saħansitra aktar importanti fit-tisħiħ tal-industrija Ewropea biex tistimola l-irkupru tal-ekonomija tal-UE u ttejjeb ir-reżiljenza tal-UE.

Is-settur spazjali huwa riżorsa inkredibbli għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, li minnu kemm il-kumpaniji kif ukoll iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw bil-kbir. Għalhekk għandna ninkludu lis-settur privat sa punt ferm akbar milli għamilna sal-lum.

Hekk kif l-opportunitajiet enormi li joffrulna l-internet tal-oġġetti (IoT), l-industrija 4.0, il-big data u l-vetturi awtonomi jsiru evidenti, id-domanda għas-satelliti u għat-teknoloġiji spazjali altru li se tkompli tikber. Matul il-katina tal-provvista kollha, id-domanda għas-satelliti, għall-mikrolanċjaturi u għall-ipproċessar tad-data se tiżdied b'hekk l-UE quddiemha se jkollha opportunità li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-ispazju u żżid il-kompetittività tagħha.

Is-sovranità tad-data hija kruċjali biex tinkiseb is-sovranità diġitali Ewropea. Bħalissa, l-UE diġà għandha ħafna atturi li jikkontribwixxu għal dan l-għan billi jagħtu soluzzjonijiet ta' data, mikrolanċjaturi, satelliti u innovazzjonijiet teknoloġiċi mill-aktar avvanzati. Hekk kif l-importanza strateġika tal-ispazju u l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni jsiru evidenti, il-potenzjal importanti għadu mhuwiex sfruttat.

Ir-riżultati2 ta' stħarriġ tas-suq reċenti juru li l-bażi installata tal-apparat ta' navigazzjoni u ta' pożizzjonament (GNSS) se tikber minn 6.5 biljun unità fl-2021 għal 10.6 biljun unità fl-2031. Id-dħul tas-suq downstream kemm mill-apparat kif ukoll mis-servizzi, skont il-previżjonijiet, se jikber minn EUR 199 biljun fl-2021 għal EUR 492 biljun fl-2031. Is-suq tas-servizzi u tad-data ta' osservazzjoni tad-dinja mistenni jirdoppja minn madwar EUR 2.8 biljun għal aktar minn EUR 5.5 biljun fl-għaxar snin li jmiss. Fil-qasam tal-komunikazzjonijiet siguri bis-satellita, id-domanda ċivili attwali ta' kapaċità ta' komunikazzjonijiet bis-satellita fl-Ewropa hija bejn wieħed u ieħor 2.5 Gbps u d-domanda militari ma taqbiżx il-1.5 Gbps. Fl-2035, il-previżjoni għad-domanda militari taf tilħaq kważi l-4 Gbps u d-domanda ċivili l-20 Gbps.


Proposti konkreti dwar il-politiki spazjali:
 

  1. Il-promozzjoni tal-possibbiltajiet ta' negozju għall-kumpaniji privati fis-settur tal-ispazju l-ġdid hija prijorità fundamentali. Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jieħu sehem fil-Grupp ta' Esperti dwar il-Politiki u l-Programmi rilevanti għall-Industrija tal-Ispazju, tad-Difiża u tal-Ajrunawtika tal-UE stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiżviluppa pjan direzzjonali konkret.
  2. L-inizjattiva CASSINI ("Competitive Space Start-ups for Innovation") implimentata mill-Kummissjoni u li tagħti EUR 1 biljun f'kapital ta' riskju lin-negozji l-ġodda tas-settur spazjali hija inizjattiva opportuna fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, is-suċċess tal-faċilità ta' investiment CASSINI jiddependi mill-involviment tas-settur privat biex jattira fondi ta' investiment bil-għan li jiġbor fondi ġodda b'enfasi fuq l-investimenti fil-qasam spazjali. Dan is-suċċess jiddependi wkoll minn kemm l-Istati Membri jużaw l-istrumenti politiċi tagħhom biex jinkoraġġixxu dan l-iżvilupp. Barra minn hekk, politika tal-kompetizzjoni modernizzata u regoli dwar l-għajnuna mill-Istat adatti għall-iskop huma rikjesti biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjamenti. Minkejja l-limitu eżistenti u l-qafas wisq riġidu tal-inizjattiva CASSINI, il-mudell jipprometti tajjeb għall-futur.
  3. L-UE jeħtiġilha tagħmel titjib fl-iżvilupp tal-għarfien iġġenerat mir-riċerka fl-attivitajiet kummerċjali.  Hemm bżonn proposta leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni għas-settur spazjali downstream biex tiżgura parteċipazzjoni akbar tad-domanda tal-potenzjal kummerċjali min-naħa tas-settur privat u toffri qafas stabbli u prevedibbli għall-investimenti privati fit-tul. Tali azzjoni regolatorja tista' wkoll tieħu l-bixra ta' verifika tal-"kompatibbiltà spazjali" biex tintegra d-data u l-applikazzjonijiet spazjali fl-oqsma rilevanti kollha (ngħidu aħna, il-kummerċ, l-enerġija, it-trasport, is-sigurtà, l-infrastrutturi kritiċi, il-protezzjoni ċivili, il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u r-reazzjoni għalihom, il-ġestjoni tal-artijiet u tal-ambjent tal-baħar, l-agrikoltura u s-sajd) u tiżgura li t-teknoloġiji spazjali tal-UE jitqiesu b'mod debitu biex jinkisbu objettivi politiċi (ngħidu aħna, it-tranżizzjoni diġitali, il-Patt Ekoloġiku, ir-reżiljenza, l-awtonomija strateġika).
  4. L-ekosistema industrijali għall-ispazju u d-difiża toffri qafas għall-iżvilupp tas-settur – partikolarment il-mod kif is-settur jista' jikber u, fl-istess ħin, jilqa' għall-isfida tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, l-irkupru tal-ekonomija tal-UE u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE. Nitolbu lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippubblika perkors ta' tranżizzjoni għall-ekosistema tal-industrija tal-ispazju u d-difiża fl-Istrateġija Industrijali tal-UE mill-aktar fis possibbli.
  5. Bil-għan li tissaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa fl-ispazju, għandna nħaffu s-sistemi tal-illanċjar Vega-C u Ariane 6 u nikkollaboraw aktar mill-qrib mas-settur privat permezz tar-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li jinħolqu sistemi ta' llanċjar oħra – u l-katina tal-valur tas-sistemi tal-illanċjar tal-UE – bis-saħħa tal-integrazzjoni mtejba tal-SMEs u tan-negozji ż-żgħar tas-settur tal-ispazju l-ġdid tal-UE.
  6. Biż-żieda ppjanata tal-illanċjar ta' satelliti fl-orbita, għandha tiġi eżaminata l-fattibbiltà li fl-Ewropa jinħolqu portijiet spazjali u li jsiru investimenti fihom bħala azzjonijiet komplementari tas-sit tal-illanċar prinċipali fil-Guyana Franċiża. Għandu jitqies il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni fil-qasam tal-infrastrutturi spazjali, ta' titjib tal-lanċjaturi u tal-aċċess għall-ispazju.
  7. L-UE jeħtiġilha tkompli tipprova tiżgura l-ogħla livell ta' reżiljenza u awtonomija strateġika militari fil-qasam tal-ispazju u tiggarantixxi rwol tal-Programm Spazjali biex issaħħaħ Unjoni tad-Difiża.
  8. Hija prijorità assoluta li niżguraw indipendenza mill-infrastrutturi u mit-teknoloġiji spazjali Russi u Ċiniżi. L-Ewropa għandha bżonn ssib modi kif iżżid is-sostenibbiltà tan-nondipendenza teknoloġika tagħha minn dawn iż-żewġ pajjiżi u, sa ċertu punt, mill-Istati Uniti.
  9. It-teknoloġiji kwantistiċi sostnuti mill-prgramm Ewropa Diġitali se jsaħħu l-kapaċitajiet diġitali strateġiċi tal-Ewropa – u l-inizjattiva "Infrastruttura Ewropea tal-Komunikazzjoni Kwantistika" (EuroQCI) trid tkun prijorità ewlenija inkluża fil-Programm għall-Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027.
  10. Għandhom jiġu mmappjati d-dipendenzi kritiċi (materja prima kritika u avvanzata, teknoloġiji kritiċi għall-ispazju) mir-Russja, mill-Belarussja jew mill-Ukrajna u għandhom jiġu identifikati l-miżuri/s-soluzzjonijiet biex jindirizzaw id-dipendenzi kritiċi u jsostnu lis-settur spazjali bil-għan li jiġi individwat dak li huwa affettwat direttament mis-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja.
  11. Hemm bżonn urġenti li jiġi kkonsolidat il-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku spazjali – f'dak li għandu x'jaqsam mal-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju u mas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju – li jiġu żviluppati ċ-Ċentri ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà fl-UE kollha li jkunu jinteraġixxu direttament mal-awtoritajiet nazzjonali. Il-ġestjoni tat-traffiku spazjali għandu bżonn ukoll qafas regolatorju ċar. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa ġabra ta' regoli, standards, speċifikazzjonijiet tekniċi u linji gwida komuni għall-Unjoni u tippromwovi b'mod attiv tali regoli tal-Unjoni fil-livell internazzjonali. Din il-ġabra ta' regoli tal-Unjoni għandha tkun koerenti mar-regoli l-oħra tal-UE f'oqsma politiċi oħrajn, bħad-difiża, il-politika industrijali, l-ambjent u l-avjazzjoni/ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bil-għan li dan tal-aħħar ma jikkompromettix is-sikurezza tal-ajru. Il-ġestjoni tat-traffiku spazjali għandha tkun inkorporata fil-Programm Spazjali attwali waqt ir-rieżami intermedju li jmiss tiegħu. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tidentifika s-sorsi għall-finanzjament tal-ġestjoni tat-traffiku spazjali fi ħdan il-Programm Spazjali.
  12. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għandhom iżommu lill-Parlament Ewropew infurmat bil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà li jinvolvi l-ispazju – inkluża l-evoluzzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan l-ambitu. Minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi ta' dan l-aħħar, hemm bżonn urġenti li tiġi żviluppata Strateġija spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża bil-għan li tiġi definita risposta Ewropea komuni għat-theddid għall-infrastrutturi spazjali tagħna.
  13. Fid-dawl tal-importanza strateġika tas-settur spazjali tal-UE għas-sovranità diġitali tagħha u għall-kompetittività tagħha, l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-atturi tal-industrija spazjali għandu jiġi monitorjat mill-qrib. Għalhekk, il-bidliet fir-regolamenti għandhom iqisu l-impatt fuq il-kompetittività tas-settur kif ukoll in-natura kritika tiegħu għall-politika spazjali kumplessiva u għas-sovranità diġitali tal-UE, u għandhom jitqiesu l-eżenzjonijiet possibbli għall-industrija spazjali. Ir-Regolament REACH kif ukoll ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huma eżempji ta' regolamenti li għandhom impatt għoli fuq l-industrija spazjali.
  14. Fid-dawl tal-potenzjal tiegħu, is-settur spazjali għandu jiżvolġi rwol fundamentali fl-irkupru tal-ekonomija tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RFF) flimkien mal-Fondi ta' Koeżjoni u l-fondi reġjonali għandhom jintużaw bħala sors possibbli ta' finanzjament peress li l-innovazzjoni spazjali tissodisfa t-tliet kriterji ewlenin ta' eliġibbiltà: azzjoni dwar il-klima, ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u mobbiltà intelliġenti.
  15. Bil-għan li l-opinjoni pubblika tiġi sensibilizzata għall-vantaġġi u għall-potenzjal tal-Programmi Spazjali tal-UE, il-Kummissjoni u l-entitajiet rilevanti l-oħra tal-Unjoni għandhom isaħħu l-informazzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku dwar il-qasam tal-ispazju.

Kontenut relatat