M'għandekx tistenna sa l-aħħar minuta biex iddaħħal id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol - Casa

05.07.2021 16:04

M'għandekx tistenna sa l-aħħar minuta biex iddaħħal id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol - Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

F’ittra lill-Prim Ministru Robert Abela, l-MEP David Casa talab lill-Gvern Malti biex idaħħal id-drittijiet tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol mingħajr dewmien. David Casa kkonkluda b'suċċess in-negozjati dwar din id-direttiva fl-2019 u issa saret liġi tal-UE. L-istati membri kollha, inkluż Malta, għandhom sa Awwissu 2022 biex jittrasponu din id-direttiva fil-leġislazzjoni nazzjonali.

Casa li huwa Kwestur tal-Parlament Ewropew u jifforma parti mill-Bureau tal-Parlament qal: “Din il-leġislazzjoni se tagħti drittijiet ġodda sinifikanti lill-ġenituri madwar l-Unjoni Ewropea. Se tinkoraġġixxi qsim aħjar tar-responsabbiltajiet ta' kura bejn il-ġenituri u se tkun ta' benefiċċju għall-ekonomija u s-soċjetà billi jitnaqqsu d-differenzi bejn sessi fl-impjiegi, fil-pagi u fil-pensjonijiet.”

F'Malta, grazzi għal din id-Direttiva, id-drittijiet tal-ġenituri se jiżdiedu b'mod konsiderevoli. Il-benefiċċji ewlenin huma:

• 10 ijiem ta' leave tal-paternità mħallas għall-missirijiet (jew it-tieni ġenitur ekwivalenti) fiż-żmien tat-twelid ta' tarbija minflok il-ġurnata waħda mogħtija bħalissa;

• Nofs l-4 xhur ta' leave tal-ġenituri disponibbli għall-ġenituri Maltin ikunu mħallsa u mhux trasferibbli bejn il-ġenituri;

• L-introduzzjoni tad-dritt li titlob arranġamenti ta' xogħol flessibbli; u

• L-introduzzjoni ta’ 5 ijiem ta’ leave annwali tal-carers biex tieħu ħsieb il-qraba morda.

"Din il-leġiżlazzjoni tgħin lin-nisa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fuq il-post tax-xogħol, hija investiment dirett fil-familji u se jkollha impatt pożittiv tanġibbli fuq iċ-ċittadini madwar Malta u Għawdex, billi tippermetti lill-ġenituri jibbilanċjaw aħjar ix-xogħol tagħhom u l-obbligi tal-familja," qal Casa.

L-MEP Casa laqa' t-tnedija reċenti ta' petizzjoni minn Positive Birth Malta, li titlob lill-awtoritajiet Maltin biex ma jdewmux it-traspożizzjoni tad-direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja. "Din hija inizjattiva pożittiva, li jien ukoll iffirmajt u nħeġġeġ lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess," qal Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat