Parlament Ewropew: Joseph Muscat itlaq issa

18.12.2019 13:12

Parlament Ewropew: Joseph Muscat itlaq issa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Roberta Metsola and David Casa
Traduzzjoni
Select language:

Illum, il-Membri Parlamentari Ewropej appellaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jirriżenja minnufih. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, li għadha kemm ġiet approvata b'mod qawwi, tesprimi tħassib serju li l-fatt li Muscat għadu fil-kariga ta’ Prim Ministru, qed tkompli toħloq riskji għall-integrità tal-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola u l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa għamluha ċara li l-azzjonijiet tal-Gvern Malti m’humiex riflessjoni tar-rieda tal-poplu Malti.

Roberta Metsola qalet: "Aħna rridu li d-dinja kollha tkun taf li aħna ma jixirqilniex nintefgħu fl-istess keffa ta’ Joseph Muscat u l-kriminali ta’ madwaru. Ippruvaw jintimidawna, jhedduna u jssikktuna billi sejħu manifestazzjonijiet biex jittimbrawna bħala tradituri. Imma aħna konna nafu dak li d-dinja saret taf issa. Ser nibqgħu sodi u nirrifjutaw li nċedu.

Meta d-dinja tħares lejn Malta, għanda tara l-wiċċ veru tagħna: Poplu kburi li lest jieqaf għas-sewwa.

Joseph Muscat għadu qed jipprova jiggranfa mal-poter għal mill-inqas 30 ġurnata oħra ta’ kaos: jinterferixxi, jinfluwenza u jikkontamina l-investigazzjoni. Muscat għandu jirriżenja minnufih għax b’hekk biss  pajjiżna jista’ jkollu xi ċans li jimxi 'l quddiem."

David Casa qal: “Filwaqt li l-Gvern Malti jġegħlni nistħi, il-poplu Malti jagħmilni kburi. Kburi li aħna ma nħallux lil min ikasbarna. Kburi li llum nagħrfu li fost l-aqwa ġurnalisti li qatt kien hawn f’dan il-kontinent, Daphne hija waħda minnhom. Daphne hija l-vera Maltija. Issa pero’, irridu azzjoni fuq livell Ewropew.

Daqshekk kliem vojt, sentenzi vagi, u wegħdiet ta’ “monitoring”. Issa żmien li tittieħed azzjoni. Azzjoni mill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaqdu dmirhom u jipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi. Aċċertaw li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu fuq in-naħa taċ-ċittadini. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt għal dan kollu. Jien kburi li jien fuq in-naħa tal-poplu.  Kburi li jien parti minn din il-familja tal-Parlament Ewropew li dejjem kienet it-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat