Il-MPE Roberta Metsola: “Qatt qabel ma kienet daqstant meħtieġa s-solidarjetà tal-UE”

16.04.2020 11:57

Il-MPE Roberta Metsola: “Qatt qabel ma kienet daqstant meħtieġa s-solidarjetà tal-UE”

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Head of PN Delegation Roberta Metsola MEP
Traduzzjoni
Select language:

"L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq iċ-ċertezza tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Qatt qabel, fl-istorja tal-Unjoni tagħna, ma kienet meħtieġa tali solidarjetà. U qatt qabel ma l-UE ġiet ttestjatha b’dan il-mod,” qalet Roberta Metsola, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, waqt dibattitu fil-plenarja straordinarja tal-Parlament Ewropew dalgħodu.

L-ewroparlamentari Metsola indirizzat id-dibattitu fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von Der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Hi qalet li "Dan il-virus ma jafx fruntieri, imma jaf biss eroj - it-tobba, l-infermiera, il-paramediċi, l-ispiżjara, ix-xjenzjati, dawk li jnaddfu, ix-xufiera tal-kunsinna, ħaddiema tas-supermakets - huma l-wiċċ globali tar-reżiljenza fl-agħar ċirkustanzi. "

Il-MPE Metsola qalet “Nisma' ħafna nies iqabblu s-sitwazzjoni ma gwerra - iżda fi kliem il-President Ġermaniż, din mhix gwerra - dan huwa test tal-umanità u tal-ispirtu tagħna. Din il-pandemija m'għandhiex tesponi d-dgħufijiet tal-Ewropa, iżda għandha tesponi l-preġġji tagħha."

Filwaqt li rrikonoxxiet li r-reazzjoni tal-UE kienet kajmana fil-bidu, il-Membru Parlamentari Ewropew Metsola qalet li “l-Ewropa vera rriflettiet f’azzjonijiet ta’ solidarjeta’ bħal meta pazjenti minn Bergamo bdew jiddaħħlu fi sptar fil-Bavarja; tobba Rumeni marru l-Italja, tagħmir mil-Litwanja mar fi Spanja, disinjaturi Maltin u Taljani bdew iħitu maskri kirurġiċi. "

Il-MPE Metsola għamlet appell għall-akkwist konġunt ta’ vaċċin eventwali biex jiġi żgurat li pajjiżi bħal Malta jkollhom ukoll aċċess ugwali. Hi qalet li "l-akkwist Ewropew konġunt ikun ifisser li anke l-iżgħar Stati Membri jkunu jistgħu jiksbu t-tagħmir meħtieġ - issa rridu nwessgħu dan l-akkwist Ewropew konġunt għall-akkwist konġunt ta' vaċċin meta dan isir disponibbli."

L-ewroparlamentari Metsola appellat mill-ġdid biex l-Istati Ewropej jagħmlu “minn kollox biex isalvaw l-impjiegi, il-kumpaniji u l-għajxien tal-popli tagħna”. Hi qalet li "l-pakketti ekonomiċi Ewropej ifissru miljuni ta’ impjiegi li se jiġu salvati - iżda għad hemm wisq nies li qed jaqgħu lura u li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Irridu nindirizzawhom ukoll, irridu inkunu flessibbli u nkomplu naddattaw ruħna."

Dwar l-imigrazzjoni, l-ewroparlamentari Metsola ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex taġixxi. Metsola esprimiet id-dispjaċir tagħha li l-imigranti għadhom qed jitilfu ħajjithom fil-baħar. Hi qalet “li hemm kriżi umanitarja imminenti fil-Mediterran - qed naraw numru akbar ta’ dgħajjes li jaħarbu mil-Libja bir-riżultat li jibqgħu mitluqa għal riħhom fil-baħar għax ma jistgħux jiżbarkaw - approċċ Ewropew koerenti huwa urġenti. Solidarjetà sinifikanti hija kruċjali. Il-ħajjiet iridu jiġu salvati u ma nistgħux inħallu Stati Membri fuq quddiem nett waħedhom bħall-Italja, il-Greċja u Malta.

Dawn huma l-kriżijiet li fihom l-Ewropa trid turi n-natura vera tagħha u ma nistgħux infallu.

Kollha kemm aħna qegħdin fl-istess dagħjsa u l-uniku mod biex nasslu huwa li naqdfu flimkien f’direzzjoni waħda."

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat