Il-Parlament Ewropew se jorganizza dibattitu dwar l-istat tad-dritt f'Malta u l-anniversarju ta' Daphne Caruana Galizia – David Casa MEP

16.10.2025 7:06

Il-Parlament Ewropew se jorganizza dibattitu dwar l-istat tad-dritt f'Malta u l-anniversarju ta' Daphne Caruana Galizia – David Casa MEP

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2025 — Nhar it-Tlieta 21 ta' Ottubru, il-Parlament Ewropew se jorganizza dibattitu  biex ifakkar l-anniversarju tal-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia u biex jindirizza r-rigress kontinwu tal-istat tad-dritt f’Malta. Dan wara ftehim li ntlaħaq mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Id-dibattitu se jsir matul it-tieni sessjoni plenarja ta’ Ottubru u se jiffoka fuq il-libertà tal-media, l-infurzar kontra l-korruzzjoni, u l-ħtieġa urġenti ta’ responsabbiltà f’Malta.

Il-kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Tmien snin wara l-qtil ta’ Daphne, il-kriżi tal-istat tad-dritt f’Malta qed tkompli titfa’ dell ikrah. Permezz ta' dan id-dibattitu, il-Parlament Ewropew qed jagħmilha ċara li l-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni għadha fuq quddiem fl-aġenda tal-UE. M'aħniex se nippermettu traskuraġni u dewmien żejjed. Il-legat ta’ Daphne jitlob azzjoni.”

Casa enfasizza li l-kommemorazzjoni tal-Parlament se tkun kemm ġieħ għall-kuraġġ ta' Daphne kif ukoll sejħa biex jiġu difiżi l-valuri Ewropej.

Casa wkoll kkonferma li l-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu se jingħata fil-Parlament Ewropew fl-istess ġurnata. Il-premju jonora l-ġurnaliżmu investigattiv eċċellenti madwar l-Ewropa u jżomm l-ispirtu ta’ Daphne ħaj permezz tal-ħidma tal-ġurnalisti tal-lum.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat