MEPs iħeġġu lill-Kummissjoni biex tikkundanna s-sentenza kontra ġurnalista Torka

11.01.2019 13:53

MEPs iħeġġu lill-Kummissjoni biex tikkundanna s-sentenza kontra ġurnalista Torka

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkundanna l-azzjonijiet tat-Turkija kontra l-ġurnalista Pelin Ünker, kif ukoll biex tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex titlob lill-awtoritajiet Torok jerġgħu jikkunsidraw l-azzjonijiet meħuda u jneħħu l-akkużi kontra l-ġurnalista. 

L-MEPs David Casa (Grupp EPP), Ana Gomes (Grupp S&D), Monica Macovei (Grupp ECR), Maite Pagazaurtundúa Ruiz (Grupp ALDE), Benedek Jávor (Grupp Greens/EFA) u Stelios Kouloglou (Grupp GUE/NGL) bagħtu ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini, fejn insistew li l-azzjonijiet meħuda kontra l-ġurnalista Pelin Ünker mhumiex kompatibbli ma' pajjiż li qed jistinka għall-adeżjoni fl-UE. 

Pelin Ünker, li tifforma parti mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, ġiet ikkundannata għal aktar minn sena priġunerija wara r-rappurtaġġ fattwali tagħha dwar is-sidien ta' kumpaniji minn qraba tal-ispeaker tal-assemblea nazzjonali tat-Turkija.

 L-MEP David Casa qal “Ilna naħdmu biex inħarsu l-ġurnalisti madwar l-Ewropa għal dawn l-aħħar xhur, permezz ta’ diversi inizjattivi, inkluż li nagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tintroduċi leġiżlazzjoni kontra l-iSLAPP. Ma nistgħux inħallu sitwazzjoni fejn pajjiż li jaspira li jsir membru tal-Unjoni Ewropea jittratta l-ġurnalisti b'dan il-mod. Aħna mhux se nieqfu hawn. Aħna rridu li l-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom, u se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niżguraw li l-ġurnalisti investigattivi jkunu protetti." 

Kopja tal-ittra msemmija hawn fuq qed tiġi mehmuża ma' din l-istqarrija.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'218 Membru minn 28 Stat Membru.