L-impunità għall-korruzzjoni qed toħloq l-akbar theddida għall-ġurnalisti, jwissi David Casa

18.10.2023 17:18

L-impunità għall-korruzzjoni qed toħloq l-akbar theddida għall-ġurnalisti, jwissi David Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa addressing an event honouring Daphne Caruana Galizia at the European Parliament
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-MEP David Casa onora l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tas-sitt snin mill-assassinju tagħha.

Filwaqt li faħħar il-ħidma parlamentari biex tittejjeb il-libertà tal-istampa, Casa wissa li l-kundizzjonijiet li ppermettew il-qtil ta’ Daphne, għadhom hemm.

“Ir-riskju huwa perikoluż meta ma jkunx hemm ġustizzja għall-kriminalità li jesponu l-ġurnalisti,” wissa Casa, waqt li kompla billi kkundanna l-impunità ġenerali li għadha teżisti sal-lum dwar reati mwettqa minn uffiċjali pubbliċi.

Il-kundizzjonijiet preżenti qiegħdin iservu biex tkompli tiggrava t-theddida fuq il-ġurnalisti f’Malta. “Huwa għalhekk li l-iskandli li kixfu l-ġurnalisti Maltin huma tant inkwetanti,” spjega Casa, għax “dawk fil-poter jibqgħu protetti għad-detriment tan-nies.”

“Sitt snin wara li qatluha, għadu ma hemm l-ebda kundanna għall-korruzzjoni kollha li kixfet Daphne, aħseb u ara għall-korruzzjoni kollha li nkixfet minn dakinhar.”

Huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ l-isforzi tagħha “b'azzjoni proporzjonata li tindirizza l-gravità tas-sitwazzjoni".

“Kellha tkun karozza bomba li ħalliet tliet ulied mingħajr omm biex nindunaw x’inhu fil-verità l-istat ta’ impunità f’Malta,” sostna Casa, waqt li appella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex qatt ma jinsew ir-realtà dwar l-istat tad-dritt f’Malta.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat