Appoġġ kbir għall-Fond Soċjali għall-Klima ta' Casa fil-Parlament Ewropew

22.06.2022 15:12

Appoġġ kbir għall-Fond Soċjali għall-Klima ta' Casa fil-Parlament Ewropew

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa
Traduzzjoni
Select language:

Il-Parlament Ewropew ivvota, b’mod b’saħħtu, favur il-Fond Soċjali għall-Klima, fond ta’ bosta biljuni ta’ ewro, li ġie nnegozjat b’mod konġunt mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Popolari Ewropew David Casa u Esther de Lange.

Casa se jmexxi n-negozjati flimkien ma’ de Lange, f’isem il-Parlament Ewropew, f’negozjati mal-gvernijiet tal-UE, rappreżentati fil-Kunsill tal-UE.

"Il-Fond Soċjali għall-Klima jikkonsisti minn bosta biljuni ta' ewro tal-UE biex iħarsu liċ-ċittadini mill-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-enerġija," qal Casa. "Ir-riżultat qawwi huwa sinjal ċar li t-transizzjoni għan-newtralità klimatika għandha tkun ukoll waħda soċjalment ġusta."

Hemm biljuni ta’ ewro allokati li mistennija jmorru lejn investiment f’miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija għad-djar u l-mikro-intrapriżi bħala parti minn pjan biex titnaqqas id-domanda u l-konsum tal-enerġija. L-użu aktar baxx tal-enerġija se jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-familji u n-negozji jiffrankaw aktar.

"Grazzi għal dan il-fond, se niżguraw li jkollna aktar pannelli solari, aktar insulazzjoni, apparat aktar effiċjenti, trasport pubbliku aktar effiċjenti u affordabbli, u aktar karozzi elettriċi."

Casa spjega li l-Istati Membri se jimplimentaw miżuri biex jiffinanzjaw investimenti għaċ-ċittadini u jipprovdu għajnuna fuq kontijiet tal-enerġija permezz ta’ appoġġ dirett fuq d-dħul.

Il-Fond Soċjali għall-Klima ġie vvutat bħala parti mill-pakkett Fit-for-55, firxa ta’ leġiżlazzjoni maħsuba biex tikseb tnaqqis ta’ 55% fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030. Dan huwa t-tieni regolament ta' Casa għal fond multibiljunarju, wara li s-sena li għaddiet ikkonkluda n-negozjati għall-Fond Soċjali Ewropew.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat