Andreotti kien ta’ ispirazzjoni biex nidħol fil-politika - Casa

07.03.2019 9:20

Andreotti kien ta’ ispirazzjoni biex nidħol fil-politika - Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-eks Prim Ministru tal-Italja Giulio Andreotti hu wieħed mill-akbar politiċi Taljani u Ewropej ta’ kull żmien, u kien wieħed mill-politiċi ta’ ispirazzjoni biex nidħol fil-politika. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal dan meta kien qed jindirizza attività fil-Parlament Ewropew, li kienet qed tfakkar il-ħajja politika ta’ Giulio Andreotti, 100 sena minn twelidu.

L-MEP Casa kien mistieden biex jindirizza l-attività peress li kien jakkumpanja lill-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, l-eks Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Guido de Marco, u l-eks Kummissarju Ewropew u eks Viċi Prim Ministru Tonio Borg, għal laqgħat ma’ Giulio Andreotti f’Ruma. “Kien matul dawn il-laqgħat li Andreotti, mingħajr ma jaf, kien ta’ motivazzjoni għalija biex nidħol fil-politika u ntejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji. Andreotti kien politiku dedikat għall-kostitwenza u jaħseb fil-bżonnijiet tan-nies,” qal l-MEP Casa.

Hu rrefera għat-tliet żjarat li Andreotti kellu f’Malta: fl-1986 mal-eks Prim Ministru tal-Italja Bettino Craxi, meta twaqqaf l-ewwel Protokoll Finanzjarju bejn l-Italja u l-Malta; fil-bidu tas-snin disgħin għall-inawgurazzjoni tal-AŻAD fil-Belt Valletta; u għall-kommemorazzjoni tal-eks Prim Ministru ta’ Malta Ġorġ Borg Olivier fil-Berġa ta’ Aragona.

Fid-diskors tiegħu, l-MEP Casa għamel referenza għat-twemmin b’saħħtu u fiduċja li Giulio Andreotti kellu fis-sistema ġudizzjarja Taljana, anke meta kien suġġett għal prosekuzzjoni kriminali. “Qatt ma kien ikun populist u jgħid “ġustizzja inġusta”, anke meta hekk kienet tidher li hi. Hu kien dejjem lest li jikkoopera mal-ġustizzja, biex il-verità tkun tista’ toħroġ,” qal l-MEP Casa.

L-attività, organizzata mid-Delegazzjoni Taljana fil-Grupp tal-PPE, kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, mis-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio López-Istúriz White, l-MEP u eks Prim Ministru tas-Slovenja Alojz Peterle, flimkien ma’ mistiedna distinti oħra.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat