Pubblikazzjonijiet: AFFARIJIET BARRANIN

Read or download our latest publications to learn about our Group, our position on European Parliament legislative and policy issues and more.

Flags of Ukraine and the European Union
pubblikazzjonijiet 05.04.2022 - 8:50
publications 05.04.2022 - 8:50
AFFARIJIET BARRANIN

Linji gwida politiċi tal-Grupp PPE dwar ir-risposta immedjata għall-invażjoni u għall-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Fl-24 ta' Frar 2022, bil-gwerra u bl-aggressjoni, mhux provokata u mhux ġustifikata, tar-Russja – li tikkostitwixxi delitt internazzjonali kontra l-Ukrajna – ir-realtà ġeopolitika Ewropea nbidlet drammatikament. L-Ukrajna sal-lum uriet livell bla preċedent ta' reżistenza u reżiljenza u impediet lir-Russja milli tilħaq l-objettivi inizjali tagħha tal-gwerra. L-Unjoni Ewropea rreaġixxiet malajr u b'mod deċiżiv, billi introduċiet sanzjonijiet bla preċedent li laqtu lir-Russja u lill-Belarussja, li hija kompliċi magħha. Kull analiżi li saret turi li din il-gwerra se ddum fit-tul. Għaldaqstant, hemm bżonn li jkompli jiżdied l-impatt, li l-komunità internazzjonali diġà ħalliet fuq ir-reġim Russu, bil-għan li tgħin biex din il-gwerra tintemm mill-aktar fis possibbli. Linji ta' azzjoni ewlenin:   Forniment ta' armi min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri u għajnuna lill-Ukrajna biex tiddefendi ruħha. Jeħtieġ li l-UE tuża l-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-mezzi possibbli l-oħra kollha biex tgħin fil-forniment tal-armi; Iridu jiġu offruti kurituri umanitarji sikuri lill-popolazzjoni ċivili li qed jaħarbu mill-attakki u biex jissaħħu n-networks ta' għajnuna umanitarja tal-UE fl-Ukrajna (fjuwil, ikel, mediċini, ġeneraturi tal-enerġija u kampijiet mobbli). Fl-istess waqt, iridu jinfetħu kurituri tal-art "ħodor" biex tiddaħħal fl-Ukrajna kwalunkwe ħaġa meħtieġa biex tiżdied il-produzzjoni agrikola (eż. pestiċidi u fertilizzanti) u biex jinħarġu mill-Ukrajna l-prodotti agrikoli kollha li għadhom jistgħu jiġu esportati. Il-mument għal aktar sanzjonijiet wasal:   jintalab li jiġi applikat embargo totali u immedjat fuq l-importazzjonijiet mir-Russja ta' żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass; jintalab li jiġu abbandunati għalkollox in-Nord Stream 1 u 2; u jiġi ppreżentat pjan biex tkompli tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu qasir; jeħtieġ li jiġu esklużi mis-sistema SWIFT, il-banek Russi involuti fil-kummerċ ta' żejt u faħam; jeħtieġ li l-Istati Membri jiċħdu l-aċċess għall-portijiet kollha tal-UE lill-bastimenti li l-aħħar waqfa f'port jew dik li jmiss tkun fir-Russja. L-infrastrutturi tagħna ma jistgħux jintużaw biex jagħlfu magna tal-gwerra; l-Istati Membri għandom ikeċċu lill-ambaxxaturi Russi minn pajjiżhom bil-għan li jnaqqsu l-preżenza diplomatika Russa kemm jista' jkun sal-minimu; jeħtieġ li s-sanzjonijiet fil-konfront tal-Belarussja jirriflettu dawk introdotti fil-konfront tar-Russja, biex tingħalaq kull lakuna li permezz tagħha, Putin ikun jista' juża l-għajnuna ta' Lukashenko, ħalli jaħrab mis-sanzjonijiet (pereżempju, fuq il-banek u fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti taż-żejt); l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet sekondarji fuq dawk l-entitajiet kollha li se jgħinu lir-reġim Russu u lir-reġim Belarussu biex jaħarbu mis-sanzjonijiet; il-pożizzjonijiet li ħadu ċerti pajjiżi biex jappoġġaw jew jastjenu milli jikkundannaw ir-reġim ta' Putin u l-aggressjoni jridu jwasslu għal konsegwenzi; is-sanzjonijiet għandhom jitneħħew biss meta l-aħħar suldat tal-forzi okkupanti jkun telaq mit-territorju Ukren fuq il-bażi ta' ftehim konkluż mal-Gvern kostituzzjonali tal-Ukrajna. L-istatus ta' pajjiż kandidat tal-Ukrajna: b'segwitu għall-applikazzjoni uffiċjali tal-Ukrajna għall-adeżjoni mal-UE, ippreżentata fit-28 ta' Frar 2022, u b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Marzu, skont liema l-Ukrajna hija parti mill-familja Ewropea tagħna, l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġ li jaħdmu biex iżommu l-wegħda li jagħtu lill-Ukrajna l-istatus ta' pajjiż kandidat mingħajr dewmien. Dan għaliex għandu jiġi evitat li l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Ukrajna u taċ-ċittadini tagħha jisfaw vittmi tar-rikjesti ostili mir-Russja, li bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu favur l-integrazzjoni aċċelerata ta l-Ukrajna fis-Suq Uniku tal-UE, skont il-formula "kollox ħlief istituzzjonijiet" u fuq il-linji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; Fond għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra fuq il-mudell tal-Pjan Marshall. Dan il-messaġġ se jnissel tama fost l-Ukreni. Il-fond jeħtieġ li jkun ġeneruż u ffinanzjat mill-UE, mill-Istati Membri, mill-kontribuzzjonijiet tad-donaturi u mir-riżarċiment għad-danni tal-gwerra min-naħa tar-Russja, inklużi dawk l-assi Russi kkonfiskati/ssekwestrati b'riżultat ta' sanzjonijiet f'konformità mad-dritt internazzjonali; Putin u Lukashenko jiġu ddefiniti bħala "kriminali tal-gwerra". Nagħmlu appell biex il-proċedimenti ġuridiċi fi ħdan id-dritt internazzjonali jinvestigaw u jieħdu azzjoni legali kontra kwalunkwe att, li jikkwalifika, mil-lat ġuridiku, bħala delitt tal-gwerra; Ir-Russja post-Putin – jeħtiġilna naħdmu mal-poplu Russu. Jeħtiġilna nuru li l-UE lesta tgħin lir-Russja demokratika ta' għada. Illum il-ġurnata l-oppożizzjoni Russa għandha quddiemha diffikultajiet biex tkompli topera – mhux biss minħabba r-repressjonijiet ta' Putin, iżda wkoll minħabba l-effetti tas-sanzjonijiet tal-Punent. Jeħtieġ li nibagħtu sinjal ċar, li aħna lesti nerġgħu nistiednu lil Russja demokratika u responsabbli fil-komunità tan-nazzjonijiet.   ...