“Nerġgħu nibnu mill-ġdid” - l-MEP Metsola żżur negozji li ntlaqtu mill-maltempata

28.02.2019 9:11

“Nerġgħu nibnu mill-ġdid” - l-MEP Metsola żżur negozji li ntlaqtu mill-maltempata

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Roberta Metsola MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Waqt żjara emozzjonali lin-negozji Maltin li nqerdu mill-maltempata li laqtet il-pajjiż fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola wegħdet li se tkompli tagħmel dak kollu possibbli biex tgħin lil dawk li ġew affetwati biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom.

“Hu ta’ swied il-qalb li nkun hawn u nara negozji, għelieqi u klabbs tal-waterpolo li jispiċċaw fix-xejn mill-lum għal għada. Imma l-aktar ħaġa li laqtitni kienet id-determinazzjoni ta’ dawk li tilfu kollox li ma qatgħux qalbhom u reġgħu bdew mill-ġdid. Ma kienx hemm sens ta’ disperament, iżda enerġija biex eventwalment ikunu aktar b’saħħithom. Nerġgħu nibnu mill-ġdid,” qalet l-MEP Metsola waqt żjara f’San Pawl il-Baħar - waħda mill-aktar lokalitajiet li ntlaqtu ħażin f’Malta u Għawdex.

“Dan hu mument li ningħaqdu flimkien u jien, fl-aħħar jiem, kont f’kuntatt mal-ogħla livelli tal-Kummissjoni Ewropea biex ninsisti għal fondi Ewropej li jgħinu biex nerġgħu nibnu mill-ġdid, u mal-Gvern biex jassigura li l-MEPs se jkomplu jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu.

L-Ewropa għandha rwol f’dan kollu, u meta diżastru bħal dan jolqot Stat wieħed, ħafna drabi joħroġ l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi. Aħna se ngħinu lill-Gvern bi sforzi biex nassiguraw solidarjetà Ewropea li tkun tanġibbli, u biex nassiguraw mhux biss flus, iżda li nużaw l-għodod kollha li għandna bħala Stat Membru biex nassiguraw li darb’oħra, nkunu aktar preparati,” żieded Metsola.

L-MEP Metsola nsistiet li filwaqt li qed isiru talbiet għal fondi tal-UE, il-Gvern jista’ u għandu jgħin b’mod immedjat.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.