L-MEPs jindikaw it-triq ‘il quddiem għall-Gvern Malti

28.03.2019 12:37

L-MEPs jindikaw it-triq ‘il quddiem għall-Gvern Malti

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Malta flag
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Parlament Ewropew qed jinsisti li l-Gvern Malti jagħmel numru ta’ bidliet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, u biex dawn isiru issa. Dan, fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, kif ukoll każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jimplikaw nies fl-ogħla livelli tal-Gvern. Ir-riżoluzzjoni, b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet ta’ Malta u l-Islovakkja, ġiet approvata b’maġġoranza kbir, b’398 MEPs jivvutaw favur, waqt li 85 biss ivvotaw kontra. Il-maġġoranza tal-MEPs Soċjalisti wkoll ivvotaw favur dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Speċifikament, ir-riżoluzzjoni tinsisti li l-Gvern Malti għandu:

  • jassigura li ssir inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia;
  • jara li l-imħuħ wara dan il-qtil ikunu identifikati u ssir il-ġustizzja;
  • jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja;
  • jtemm il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia;
  • jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali ta’ Aaron Bugeja;
  • jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers, u r-rabta bejn 17 Black u Keith Schembri u Konrad Mizzi;
  • jieqaf ibigħ il-passaporti.

L-MEP Roberta Metsola, li kienet tifforma parti mill-Grupp ta’ Ħidma li żar Malta u l-Islovakkja u kellu numru ta’ laqgħat qabel inkitbet din ir-riżoluzzjoni, qalet: “Din ir-riżoluzzjoni tipproteġi l-valuri Maltin. Tipproteġi l-valuri Ewropej. Din ir-riżoluzzjoni hi bażata fuq l-istess valuri li għandna għal qalbna, u tipprovdi qafas ta’ x’għandu jsir u kif għandhom isiru l-affarijiet.”

L-MEP David Casa, li hu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, qal: “Xogħolna fil-Parlament Ewropew hu li niddefendu liċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex. Inkunu qed nonqsu minn dmirna jekk ngħalqu għajnejna, waqt li l-istituzzjonijiet qed jinħatfu politikament biex jipproteġu politiċi korrotti, ta’ detriment għall-poplu. Dejjem għandna nkunu kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Irridu ninsistu li jerġa’ jkollna l-integrità fl-istituzzjonijiet, u li nipproteġu l-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Hekk għamilna lum. Hekk se nibqgħu nagħmlu.

L-MEP Francis Zammit Dimech, li kien Rapporter tal-Grupp tal-PPE fuq il-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-whistleblowers, qal: “Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew qed jerġa’ jinsisti mal-Gvern Malti biex jagħmel il-bidliet neċessarji biex jissalvagwardja s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u jipproteġu lill-ġurnalisti li huma kruċjali biex iżommu lin-nies infurmati dwar dak li għandhom dritt ikunu jafu. Il-poplu Malti jixraqlu li jgħix f’pajjiż tassew Ewropew u demokratiku, u aħna se nkomplu nkunu l-vuċi tiegħu u niddefendu dawn il-valuri li tant huma għal qalbna.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat