L-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta: Metsola eletta l-Ewwel Viċi-President tal-Parlament Ewropew

12.11.2020 13:11

L-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta: Metsola eletta l-Ewwel Viċi-President tal-Parlament Ewropew

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Roberta Metsola MEP
Traduzzjoni
Select language:

L-ewwel persuna ta’ nazzjonalità Maltija li ser tokkupa din il-pożizzjoni.

Roberta Metsola ġiet eletta għall-kariga tal-Ewwel Viċi-President tal-Parlament Ewropew, u saret l-ewwel persuna Maltija li qed tokkupa waħda mill-ogħla pożizzjonijiet fi ħdan din l-istituzzjoni Ewropea.

Il-Viċi-President Metsola kienet il-Belt Valletta hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni u qalet "huwa unur tremend għalija, li ġejt eletta bħala l-Ewwel Viċi-President, anki peress li dan seħħ b'appoġġ daqshekk qawwi mill-Membri tal-Parlament Ewropew."

Bħala l-Ewwel Viċi-President, Roberta Metsola se tgħin u tissostitwixxi lill-President tal-Parlament Ewropew fl-ewwel istanza, jekk ikun nieqes jew mhux disponibbli biex jaqdi dmirijietu. Dan jinkludi l-irwol li tippresjedi seduti plenarji jew anki li tirrappreżenta lill-Parlament f'ċerimonji speċifiċi.

Huwa rwol istituzzjonali, u allura wieħed mhux partiġġjan. Il-Viċi-Presidenza huwa rwol minqux fil-liġi tal-Unjoni Ewropea.

L-irwol tal-Ewwel Viċi-President għandu diversi responsabbilitajiet ta’ livell għoli relatati mar-rappreżentanza esterna tal-Parlament Ewropew u in-negozjati tal-leġiżlazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.

Dan l-irwol il-ġdid ser jpoġġi lil Metsola fl-ogħla pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, miżmum minn persuna ta’ nazzjonalità Maltija. Minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, qatt ma kien hemm persuna ta’ nazzjonalità Maltija li okkupat kariga għolja daqs din.

F'reazzjoni inizjali, il-Viċi-President Metsola qalet: "Ninsab kuntenta ħafna u determinata li nuża r-responsabbiltajiet il-ġodda li ġejt fdati bihom, biex inkompli nkun vuċi b'saħħitha għaċ-ċittadini Ewropej, għal Malta u għal Għawdex u determinata li nkompli naħdem biex jinbnew pontijiet bejn forzi politiċi opposti.

"M’hemmx ħin x’nitilfu! Bil-Covid; t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi; l-irkupru ekonomiku; it-theddida tat-terroriżmu; in-negozjati tal-BREXIT; President ġdid fl-Istati Uniti tal-Amerika; is-sitwazzjoni fil-Belarussja; sfidi kontinwi ta' immigrazzjoni u l-qafas legali l-ġdid dwar l-istat tad-dritt fuq l-aġenda - Jien, flimkien mal-President Sassoli u l-ewroparlamentari l-oħra, se nkompli nagħmel il-parti tiegħi biex niżgura li tkompli tissaħħaħ r-rabta qawwija li hemm bejn il-Parlament Ewropew u iċ-ċittadini."

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat