L-ambjent mhux prijorità għal-Labour - Francis Zammit Dimech

06.03.2019 9:09

L-ambjent mhux prijorità għal-Labour - Francis Zammit Dimech

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Francis Zammit Dimech
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Nilqa’ l-fatt li l-ebda fondi tal-UE ma ntużaw fuq l-inizjattiva tal-white flag, kif ġie konfermat mill-Kummissjoni. Nilqa’ wkoll l-inizjattivi li ttieħdu mill-Kummissjoni għall-istrateġija fuq il-plastik fl-Unjoni Ewropea. Fil-Parlament Ewropew, aħna ħadna pożizzjoni ċara kontra l-użu tal-plastik li jintuża darba biss, u nsistejna biex dan it-tip ta’ plastik bħal pożati, cotton buds, u straws jkunu projbiti mill-2021. Sadanittant, il-Gvern Malti għandu jagħmel ħafna aktar fl-immaniġġjar tal-iskart. Ma nistgħux nippretendu li niġbru l-iskart minn fuq il-bajja jew mill-baħar u inwaħħlu bandiera bajda, u l-problema tkun solvuta.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara tweġiba uffiċjali li rċieva mill-Kummissjoni Ewropea dwar mistoqsija li għamel fuq l-inizjattiva kontroversjali tal-White Flag (mehmuża).

Sadanittant, skont data ppubblikata mill-Eurostat, ġew irrekordjati rati rekord f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċiklaġġ fl-UE.

Zammit Dimech fakkar kif gżejjer żgħar oħra fil-Mediterran bdew jew jinsabu fil-proċess li ma jibqgħux jużaw plastik darba biss, bħal per eżempju gżejjer li huma biss ftit kilometri ‘l bogħod minn Malta, bħal Pantellerija u Lampedusa. Zammit Dimech qal li rridu nbiddlu l-mentalità. Hu fakkar kif l-iskema ffinanzjajta mill-UE dwar il-frott u l-ħaxix, mhux biss bdiet tard iżda sal-lum għadhom qed jitqassmu frott u ħaxix f’kontejners tal-plastik li jintuża darba biss. Hu qal li bħala gżira, Malta hi obbligata li tagħmel aktar, wara li l-Kummissjoni Ewropea ikkalkolat li 80% tal-iskart fil-baħar hu plastik. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-baħar hu riżorsa importanti għalina, li fuqu jistrieħ wieħed mill-aktar setturi ekonomiċi importanti - t-turiżmu. Hu fakkar kif il-Grupp tal-PPE beda kampanja mal-UE bl-isem ta’ plogging, biex jinġabar skart minn mal-bajjiet.

Zammit Dimech żied jgħid li l-maltempata tal-ġimgħa li għaddiet ġabet lejn pajjiżna eluf ta’ biċċiet tal-plastik, u hemm bżonn sforzi kbar biex niġġieldu din l-isfida globali, u li hu se jkompli jgħin b’inizjattivi ta’ tindif. Hu żied jgħid li filwaqt li l-Gvern waqqaf Ambjent Malta u żied iż-żoni marittimi li huma protetti, li t-tnejn huma miżuri pożittivi, dawn iż-żoni spiċċaw biss parks ta’ fuq il-karta, għaliex mhux issir biżżejjed investiment fl-immaniġġjar. Hu qal li irrispettivament mill-assigurazzjonijiet li ngħataw, l-isfidi għadhom hemm u għalhekk il-Gvern għandu jagħmel ferm aktar.

Il-Gvern mhux qed jagħti prijorità lill-ambjent u qed ifalli f’diversi temi importanti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Malta tinsab fl-aħħar post fir-riċiklar b’rata ta’ 7%, ferm ‘il bogħod mill-mira ta’ 50% sal-2020. Zammit Dimech fakkar kif bħala Ministru tal-Ambjent, hu kien ħadem biex introduċa l-impjant ta’ Sant’ Antnin, implimenta pjan dwar id-drenaġġ li tejjeb il-kwalità tal-ilma baħar, u introduċa strateġija ta’ ġestjoni ta’ skart solidu li ndirizzat ukoll l-iskart fil-baħar, u li wassal sabiex jbiddel miżbliet f’parks. Hu nnota kif li kienu ma kienx għall-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fix-Xagħra, l-Gvern kien jibda jerġa’ juża l-miżbla Tal-Qortin.

Aktar minn hekk, il-kwalità tal-arja ta’ Malta hi fost l-agħar fl-Ewropa (r-raba’ mill-aħħar) u qed tmur għall-agħar minħabba t-traffiku u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern. Filwaqt li rrefera għall-maltempata, Zammit Dimech qal li diversi negozji u kostitwenti informawh dwar kif il-pannelli tal-PV spiċċaw taru jew saritilhom il-ħsara. Dwar dan, il-Gvern għandu jassigura li jgħin kemm jista’ jkun b’fondi tal-UE u jassigura wkoll li tintlaħaq il-mira li sal-2020, 10% tal-enerġija tkun alternattiva.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.