David Casa jgħid lill-MONEYVAL “Investiga l-mod kif l-FIAU proċessat l-informazzjoni dwar 17 Black”

07.09.2018 13:04

David Casa jgħid lill-MONEYVAL “Investiga l-mod kif l-FIAU proċessat l-informazzjoni dwar 17 Black”

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

MONEYVAL huwa l-korp permanenti ta’ monitoraġġ kontra l-ħasil tal-flusn tal-Kunsill tal-Ewropa. MONEYVAL se jevalwa l-konformità ta 'Malta mal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus l-infurzar tagħhom f’Novembru li ġej.

Fir-rigward tar-rapport tal-FIAU li jitlob azzjoni tal-pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ddikjara:

"Element kruċjali tar-Rapport dwar Mizzi huwa r-rwol ta’ 17 Black, kumpanija li skont il-korrispondenza bejn Nexia BT u Mossack Fonseca, kellha tħalli €150,000 kull xahar kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Ġie rrappurtat li l-FIAU kienet konxja mill-identità tal-UBO ta’ 17 Black minn Frar 2018. Huwa rilevanti li wieħed jinnota li l-FIAU ma ċaħditx dan. Is-sid ta’ 17 Black jista' tipprovdi evidenza ulterjuri ta’ korruzzjoni ta' livell għoli u attività kriminali għad-detriment tal-poplu Malti. Jekk l-UBO jiġi żvelat bħala persuna jew entità konnessa ma’ proġett li għalih Mizzi u Schembri kienu responsabbli, l-implikazzjonijiet ikunu serji u ta' firxa wiesgħa. Dan jista’ jimplika wkoll li attività kriminali tista' tkun għaddejja.

Ir-Rapport dwar Mizzi jipprovdi wkoll evidenza ulterjuri tal-kompliċità tan-Nexia BT fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Fil-fatt, l-investigaturi argumentaw li d-dokumenti ġew iffabbrikati biex jappoġġaw dikjarazzjonijiet magħmula minn politiċi, li saru sforzi biex jiżgwidaw lill-FIAU u li evidenza inkriminanti kienet moħbija minn investigaturi. Hija l-FIAU li hija responsabbli biex tieħu azzjoni kontra Nexia BT fid-dawl ta’ dan il-ksur tal-liġi. S'issa, Nexia BT kompliet topera mingħajr konsegwenza filwaqt li rċeviet kuntratti kbar mill-gvern.”

David Casa rrefera wkoll għal dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-FIAU li jiprovaw ioġġu dubji fuq l-awtentiċità tar-Rapport dwar Mizzi.

"F'Novembru, MONEYVAL se jkun f'pożizzjoni li jistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-FIAU bħala foloz u dan jindika l-ħtif politiku ta’ din l-istituzzjoni", iddikjara Casa.

David Casa talab lil MONVEYVAL biex, waqt l-evalwazzjoni f’Novembru, jikkunsidra dawn li ġejjin:

• Il-livell ta’ qerq meta tpoġġew dubji dwar l-awtentiċità tar-Rapport dwar Mizzi bl-intenzjoni li jipprovdi lill-politiċi kkonċernati b'mezzi li jisfidaw b'mod falz l-eżattezza tar-rivelazzjonijiet li saru;

• Iċ-ċirkostanzi li fihom l-FIAU tat informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jipproċedu kontra l-media u jekk dan sarx fuq talba tal-politiċi li kienet qed tinvestiga;

• L-azzjoni meħuda wara li l-FIAU kienet infurmata dwar l-identità tal-UBO ta’ 17 Black;

• Jekk saritx investigazzjoni aktar wiesgħa dwar l-UBO ta’ 17 Black immedjatament u jekk hiex qed issir mingħajr interferenza politika;

• In-nuqqas ta’ azzjoni kontra Nexia BT bi ksur tal-obbligi tal-FIAU skont il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus; u

• Il-fatt li evidenza ċara ta’ ħasil tal-flus ma waslitx għall-infurzar u l-prosekuzzjoni tal-kriminali suspettati kkonċernati.

Kopja tal-ittra mibgħuta minn David Casa lil MONEYVAL qiegħda tiġi mehmuża ma' din l-istqarrija.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat