“Il-valuri Maltin huma valuri Ewropej” - Roberta Metsola

25.03.2019 19:13

“Il-valuri Maltin huma valuri Ewropej” - Roberta Metsola

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tipprovdi qafas għal azzjoni futura mill-Gvernijiet ta’ Malta u l-Islovakkja biex isaħħu s-saltna tad-dritt fl-Istati Membri u biex jassiguraw li l-pilastri tad-demokrazija Ewropea jibqgħu b’saħħithom. Dan m’għandux ikun kontroversjali,” qalet l-MEP Roberta Metsola.

Ir-riżoluzzjoni diskussa fil-Parlament Ewropew illum tinkludi numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet ta’ Malta u l-Islovakkja wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak. Ir-riżoluzzjoni ssejjaħ għal azzjoni li tindirizza l-korruzzjoni, l-ħasil tal-flus, li tipproteġi l-libertà tal-midja u bidliet kostituzzjonali li għandhom isiru biex jassiguraw li s-sistemi ta’ Malta jkunu aktar b’saħħithom u sodi kontra l-abbuż - inkluż id-diviżjoni fir-rwol tal-Avukat Ġenerali.

B’mod sinifikanti, ir-riżoluzzjoni ssejjaħ għal inkjesta pubblika b’mod immedjat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll għal azzjoni biex jinstabu l-imħuħ wara dan il-qtil.

“Ir-riżoluzzjoni tipproteġi l-valuri Malti. Tipproteġi l-valuri Ewropej. F’Malta, nafu li d-daqs tal-idea u l-integrità tagħna dejjem kienu karatteristiċi uniċi. Bħala rappreżentanta tal-poplu Malti, jien nippromwovi l-valuri tagħna - dejjem u kullimkien. F’kull mument. Din ir-riżoluzzjoni hi bażata fuq dawn l-istess valuri: qafas ta’ kif l-affarijiet għandhom isiru,” qalet l-MEP Metsola.

“Is-sħubija ta’ Malta fl-UE fissret li l-poplu Malti u Għawdxi ma aċċettax ix-xenarji negattivi ta’ ċertu individwi, li ironikament, issa sabu ruħhom f’din l-istess kamra, għax dak iż-żmien konna nafu, kif nafu llum li aħna Maltin, aħna Għawdxin, u aħna Ewropej. U għax nagħmlu hekk, il-Gvern u r-rappreżentanti tiegħu jgħaddu l-ħin jgħajjruni tradituri waqt l-attivitajiet tagħhom, imma l-uniku traditur hu min jibqa’ sieket jew jiddefendi dak li hu indifensibbli.

Mhux dejjem faċli li xxejjer il-bandiera ta’ pajjiżek meta dawk fil-poter u l-magni ta’ propaganda tagħhom qed jonfħu r-riħ kontriha. Imma jien qiegħda fil-politika biex ngħid dak li nemmen fih. U dment li nibqa’ hawn, se nibqa’ nipproteġi dawn il-valuri,” qalet l-MEP Metsola.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.