"Il-Kummissjoni għandha tappoġġa sejħiet għal inkjesta pubblika wara r-rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne" - MEPs

10.10.2018 13:51

"Il-Kummissjoni għandha tappoġġa sejħiet għal inkjesta pubblika wara r-rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne" - MEPs

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Wara r-rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne li jesponu aktar rabtiet bejn il-Ministru Malti Chris Cardona u l-allegati qattiela ta' Daphne Caruana Galizia, MEPs minn diversi gruppi politiċi esprimew it-tħassib tagħhom u talbu lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-investigazzjoni li għaddejja, kif ukoll tappoġġja t-talba tal-familja Caruana Galizia għal inkjesta pubblika indipendenti. Dan wara talba simili mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa nhar it-Tnejn. 

L-MEPs elenkaw il-fatti li jikkunsidraw li huma pertinenti għall-ħtieġa ta' inkjesta pubblika dwar ir-rwol tal-Istat ta' Malta fil-qtil. L-MEPs iddikjaraw: "Il-politiċi esposti mir-rappurtaġġ ta' Daphne Caruana Galizia li kienu nvoluti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus għadhom f’kariga pubblika. Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi, il-Ministru tat-Turiżmu, kienu esposti mill-Panama Papers bħala l-UBOs ta' kumpaniji offshore li fihom ippjanaw li jdaħħlu fondi eżorbitanti li ma setgħux jiġu spjegati b'mod leġittimu. L-MEPs irreferew ukoll għad-dewmien fit-teħid ta' azzjoni fuq il-Bank Pilatus kif ukoll il-fatt li Nexia BT tkompli topera mingħajr konsegwenza, li t-tnejn dehru b'mod estensiv fir-rappurtaġġ ta' Daphne Caruana Galizia. 

L-MEPs irreferew għall-istorja tal-Proġett Daphne li l-Ministru Chris Cardona deher fil-kumpanija ta' mill-inqas wieħed mill-allegati qattiela kemm qabel kif ukoll wara l-qtil. Huma nnutaw ukoll li l-mewt ta' Daphne Caruana Galizia ppermettiet lil Cardona li jwaqqaf il-proċeduri tal-libell u b'hekk evidenza konklużiva li setgħet ikkonfermat l-allegazzjonijiet tal-burdell minn Daphne Caruana Galizia baqgħet moħbija.

Dwar l-aħħar rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne, l-MEPs qalu: "Il-Proġett Daphne wera li Cardona kien preżenti għal attività intima ma' wieħed mill-allegati qattiela qabel l-assassinju fl-2017. Il-Proġett Daphne żvela wkoll li minkejja li s-Servizzi Sigrieti ta' Malta poġġew lill-allegati qattiela taħt sorveljanza qabel il-qtil, rekords ta' din is-sorveljanza kienu, mill-inqas sa Mejju 2018, miżmuma mill-Maġistrat inkwirenti Anthony Vella, li imbagħad ġie promoss għal Imħallef f'Ġunju 2017, u li ma tħalliex ikompli bl-investigazzjoni tiegħu dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia." 

L-ittra kienet ko-firmata mill-MEP David Casa, MEP Ana Gomes (S&D), MEP Monica Macovei (ECR), MEP Maite Pagazaurtundúa (ALDE) u MEP Stelios Kouloglou (GUE/NGL).

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat